Ta’ kull sena l-Kummissjoni Banda torganizza attività bis-sehem tal-allievi u l-bandisti li jattendu b’mod regolari għal-lezzjonijiet mużikali. Dan tradizzjonalment hu marbut ma żmien l-Għid il-Kbir; Minkejja li l-preparazzjonijiet għalih skattaw xhur ilu, din is-sena, ma setgħax isir fiżikament; imma bl-inizjattiva ta’ Mro. Edwin Pace, li f’idejh huwa fdat it-tagħlim mużikali, ittieħdet l-inizjattiva li nippreżentawh xorta; imma b’mod virtwali.
Din taħbat is-16 il-edizzjoni ta’ dan il-Kunċert; hekk kif kien propju fis-sena 2005 li s-Surmast Direttur Maestro Andrew Calleja nissel din l-inizjattiva u li għal grazzja t’Alla u bl-għajnuna tal-Madonna, inżammet b’mod kontinwu sabiex tkun vetrina tal-iskola mużikali fi ħdan il-Banda tagħna.
Dan hu frott iż-żerriegħa li nżergħat 75 sena ilu bit-twaqqif tal-ewwel banda fir-raħal tagħna mil-mibki surmast Joseph Darmanin. Tul is-snin, is-Soċjeta’ kellha s-sodisfazjon ukoll li tkun immexxija minn żewġ surmastrijiet Imqabbin: Mro. Julio Tanti u Mro Joseph Tonna, u li sal-lum, sa fejn jistgħu, għadhom jagħtu l-kontribut tagħhom lill-Banda u li minn hawn, inselmulhom u nirringrazjawhom. Fil-preżent, il-Banda tinsab immexxija mis-Surmast Direttur Andrew Calleja, filwaqt li l-Banda wkoll qed tgawdi mis-servizz tas-Surmast Edwin Pace, li b’dedikazzjoni kbira qed jipprovdi t-taghlim mużikali lill-allievi tagħna sa’ mil-bidu net tat-taħriġ tagħhom f’dan il-qasam.
Din is-sena qed nippreżentaw uħud mill-bandisti b’dan il-format. Konsegwenza tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha, ma kienx possibbli li l-allievi jagħtu is-sehem tagħhom. Lil dawk li għal xi raġuni ma setgħux jieħdu sehem, nirringrazjawhom u nroddu ħajr ukoll lill-ġenituri u kustodji tagħhom tal-impenn li juru sabiex iresquhom dejjem eqreb l-arti mużikali!
Bl-impenn u s-sostenn kontinwu tas-Surmast Edwin Pace, l-għalliem ewlieni tal-allievi u l-bandisti tagħna, dawn il-mużiċisti, ser juruna ftit mit-talenti tagħhom u ser isarrfu s-sagrifċċċju li jagħmlu sabiex jattendu l-lezzjonijiet tal-mużika, f’dan il-kunċert ta’ virtwali li filwaqt li qed nofruh b’apprezzament lilkom: Soċji, Partitarji u Ammiraturi tal-Banda tagħna, nixtiequ li niddedikawh lil dawk kollha li ħallewlna tul dawn il-ġimgħat tal-pandemija u li sfortunatament ma kellniex l-awtorizzazzjoni li nistgħu nattendu sabiex nagħtuhom l-aħħar tislima.