Kunċert innovattiv bit-tema “Voyage 400” ittellgħa lejlet il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju 1998. Is-suġġett kien jirrelata mal-anniversarju tal-400 sena mit-twaqqif tal-Imqabba bħala Parroċċa awtonoma li ġie mfakkar matul dik is-sena.
Bis-sehem tal-Banda Madonna tal-Ġilju, dan kien jinkludi bosta talent lokali ta’ stoffa, fosthom il-Kantanta Chiara, li xahar qabel ġiet klassifikata fit-tielet post fil-finali tal-Eurovision Song Contest li sar f’Birmingham, ir-Renju Unit, permezz tal-kanzunetta “The One that I Love”.
Ta’ min isemmi li dan kien l-ewwel kunċert multiviżiv waqt festa Maltija li għamel l-użu tal-“Big Screen”.