Għeżież Soċi u Partitarji,
Minkejja s-sitwazzjoni delikata li fiha għad tinsab id-dinja kollha, ninsabu wkoll fil-jiem tant sbieħ tal-aħħar tas-sena f’liema niċċelebraw il-Milied u l-bidu ta’ sena ġdida. Daż-żmien ifisser ukoll żmien ta’ riflessjoni fuq is-sena li waslet biex tintemm, li ċertament ma kinetx waħda faċli, speċjalment għall-każini tal-banda u l-festi Maltin b’mod ġenerali.
Madankollu, il-ħidma sfieqa tal-Kumitat Amministrattiv flimkien mad-diversi sezzjonijiet u għaqdiet li joperaw fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, tat sodisfazzjon fil- forma ta’ diversi attivitajiet u proġetti li żammew u se jkomplu jżommu s-Soċjetà soċjalment ħajja u attiva f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.
Diġà ninsabu f’nofs triq għall-festa; bit-tama, bir-reqqa u bl-insistenza li sitt xhur oħra nkunu qegħdin niċċelebraw festa ad unur il-Patruna għażiża tagħna: Il-Madonna tal-Ġilju. Matul dax-xahar rajna xibka ta’ attivitajiet, ewlenin fosthom The Mqabba 5K Run & Walkathon in aid of ALS Malta organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ, Bazaar tal-Milied u diversi ikliet organizzati mis-Sezzjoni Soċjali u skeda oħra ta’ TalĠilju FM imtella’ mit-Team Media. Fuq kollox, insemmu l-inawgurazzjoni tar-railing tat-taraġ prinċipali tas-Sede tagħna, issa opra permanenti fl-intrata ta’ Palazz il-Ġilju. Dil-attività ġiet integrata maċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, b’kunċert imtella’ mill-Banda tagħna, qalb ħruq ta’ nar u dawl tal-Milied mill-isbaħ armat fir-raħal tagħna. Dawn ilkoll ħallew togħma mixtieqa ta’ festa, avolja b’restrizzjonijiet imposti fuqna mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika fejn tidħol attendenza. Madanakollu, proġetti u attivitajiet bħal dawn xorta norganizzawhom, bl- antiċipazzjoni li dejjem insibu l-koperazzjoni tagħkom, speċjalment f’għajnuna finanzjarja.
Intant, il-Kumitat Amministrattiv qiegħed iniedi t-tieni ġabra bl-envelop b’risq is-Soċjetà, hekk kif fil-jiem li ġejjin, membri uffiċjali se jiġu jiġbru l-envelop bl-offerta tagħkom. Intant, ninsabu nħeġġu kull familja li tant għandha għal qalbha dil-festa u s-Soċjetà sabiex minn tal- anqas tikkontribwixxi d-donazzjoni raġonevoli ta’ €10.00. Waqt dil-ġabra se jkun qiegħed jitqassam il-Kalendarju għas-sena 2022 li jinkludi xbieha mill-isbaħ tal-Madonna tal-Ġilju. Min ma jkunx id-dar waqt il-ġabra, nistednuh sabiex jgħaddi l-kontribuzzjoni tiegħu fil- banka tal-lottu jew mal-bottegin tal-każin. Bħas-soltu, nappellaw għall-ġenerożità tagħkom u nirringrazzjawkom bil-quddiem.
Fil-jiem li ġejjin se tibda wkoll ir-reġistrazzjoni u t-tiġdid tal-Menswalità tas-Soċi fi ħdan is- Soċjetà tagħna. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jingħaqad mal-familja tagħna bil-għan li nkomplu nsaħħu dis-Soċjetà u l-festa li tant hija għal qalbna! Għal aktar informazzjoni, għamlu kuntatt mas-sinjorina Petra Abdilla fuq 9957 3871.
Fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, il-President u l-Kumitat Amministrattiv jixtiequ jawgurawlkom Milied hieni u sena ġdida mimlija tama, saħħa u risq. Grazzi mill-qalb.