Nagħtu merħba lix-xahar maħbub ta’ Mejju, xahar bi tradizzjoni kbira marbuta mal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba. Fl-istatut tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, mwaqqfa fl-1772 huwa dokumentat li l-Festa tal-Madonna tal-Ġilju kellha tkun iċċelebrata fix-xahar ta’ Mejju. Hekk baqa’ jsir sa nofs is-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, fejn imbagħad intlaqgħet it-talba biex il-Festa tiġi trasferita għal Ġunju.
L-Innu Marċ “Mayflower”, kompiożizzjoni tas-Surmast Onorarju u Ex-President tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju, Mro Julio Tanti għadu popolari sal-lum u sinonimu maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju.
Viva x-xahar maħbub tà Mejju
Żejjen l-art, libbes il-ġonna
Ward ilewwen żiffa tfewwaħ
Xahar li jixraq lill-Madonna.
Fost il-fjuri jiddi l-Ġilju
Simbolu sħiħ tal-purità
Dawka l-anġli bil-girlanda
Żejjnu l-Omm tal-Purità
Dawka l-anġli bil-girlanda
Żejjnu l-Omm tal-Purità.
Ċerimonja baqgħet dejjem
Fost iż–żgħar b’ħeġġa titrabba
Jum li fih baqà jitnissel
L-entużjażmu ġol-Imqabba.
Inkantaw mal-Banda Lily
Innijiet tà versi sbieħ
Lill-Madonna minn Tal-Ġilju
Vera Festa f’jum ferrieħ
Lill-Madonna minn Tal-Ġilju
Vera Festa f’jum ferrieħ!