Il-Kummissjoni Banda, issa Għaqda Banda, qiegħda tteni l-implimentazzjoni tal-proġett tagħha b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ għas-sajf 2021 entitolat: Taħriġ Mużikali għat-Tfal u ż-Żgħażagħ.
L-ewwel fażi ta’ dal-proġett edukattiv, immirata b’mod speċjali lejn tfal ta’ etajiet żgħar, kienet tikkonsisti f’numru ta’ workshops fejn dawk preżenti setgħu joħolqu u jitgħallmu jdoqqu strumenti mużikali magħmulin minn materjali riċiklabbli, fosthom shakers, tamborlin, trumbetta jew kurnu.
Fit-tieni fażi, is-Surmast Andrew Calleja għallem il-metodu universali ta’ tagħlim mużikali msejjaħ Kodaly lill-allievi u l-bandisti żgħażagħ tal-post, liema metodu interessanti jagħti bażi mużikali prattika permezz tal-matematika u t-tpinġija.
Fit-tielet fażi saru masterclasses bil-parteċipazzjoni ta’ żewġ bandisti professjonali u stabbiliti f’pajjiżna: Is-Sur Peter Cilia, li hu mużiċist fuq il-kurunetta, u s-Sinjorina Melanie Mizzi, li hija mużiċista fuq il-klarinett. Tajjeb li nsemmu li dawn il-bandisti għadhom jagħtu s-sehem tagħhom mal-Banda tagħna u għaldaqstant urew b’mod ċar li kulħadd kapaċi javvanza jekk ikun hemm sens ta’ dedikazzjoni u impenn.
Matul il-masterclasses, dawk preżenti kellhom l-opportunità jitgħallmu aktar dwar l-istrumenti mużikali tagħhom, dwar metodi ta’ kif wieħed għandu jistudja u jippratika, u anke dwar il-kura u l-indafa ta’ strumenti partikolari. Kienet inizzjattiva tassew interessanti u eżemplari għall-bandisti u l-allievi kollha, fejn ilkoll esperjenzaw u esprimew kemm fil-fatt jistgħu jimirħu fl-istudji mużikali li toffri l-banda f’pajjiżna.
Dal-proġett immarka l-impenn kontinwu tal-Banda Madonna tal-Ġilju f’sajf ieħor straordinarju għas-Soċjetà Mużikali tagħna, li għalkemm għal darba oħra kienet nieqsa mill-festa tant għażiża tagħna, xorta waħda żammet l-iskola mużikali ħajja ġewwa l-Imqabba!
Grazzi u prosit lil kull min ta sehmu!
Infakkru li s-sessjonijiet mużikali baqgħu u se jibqgħu jsiru kull nhar ta’ Sibt filgħodu ġewwa l-każin tagħna taħt is-superviżjoni tal-bravu u dedikat Surmast Edwin Pace. Nagħmlu appell sabiex jitħajru u jingħaqdu aktar bandisti mal-iskola mużikali tagħna, fl-ambjent edukattiv, sikur u professjonali li joffri Palazz il-Ġilju ġewwa s-Sala tal-Kunċerti u l-Konferenzi.