Għeżież Soċji u Partitarji,

Permezz ta’ dil-korrispondenza, qegħdin nagħmlu kuntatt magħkom f’qalb l-istaġun sajfi sabiex inżommukom infurmati bl-andament kurrenti tas-Soċjetà tagħna u d-diversi fergħat fi ħdanha.

LEJN IL-250 SENA MIT-TWAQQIF TAL-FRATELLANZA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI U T-TWAQQIF TAS-SEZZJONI ŻGĦAŻAGĦ FL-IMQABBA

Għaddew kważi xahrejn minn meta ċċelebrajna flimkien il-festa tal-Madonna tal-Ġilju fl- Imqabba, u b’sodisfazzjon nistgħu ngħidu li kellna festa li ma naqasha xejn f’kull qasam fi ħdan is-Soċjetà tagħna, b’xogħol innovattiv tal-armar, marċi brijużi uniċi u spettakli pirotekniċi li baqgħu fuq fomm kulħadd! Dan apparti l-impenji mużikali tal-Banda Madonna tal-Ġilju, u fuq kollox, iċ-ċelebrazzjonijiet interni li kkulminaw f’Jum il-Festa. Grazzi lil kull min ta sehmu sabiex il-festa fir-raħal tal-Imqabba terġa’ tiġi ċċelebrata mill-ġdid!

Hekk kif issa l-armar tal-festa kollu reġa’ mar lura f’postu fl-imħażen, il-ħidma kompliet mill- ewwel bit-tiġdid tal-Kumitati tas-Sezzjoni Żgħażagħ u tas-Sezzjoni Soċjali, bil-għan li tissokta l-attività immedjatament b’risq il-festa tal-Madonna tal-Ġilju u s-Soċjetà li ġġib IsimHa. Mill- qalb nirringrazzjaw u nawguraw lit-28 membru li applika u issa jifforma parti minnhom.

Il-festa tal-Madonna tal-Ġilju 2023 se tkun qiegħda tfakkar anniversarju partikolarment importanti; dak tat-30 sena mit-twaqqif tal-ewwel Sezzjoni Żgħażagħ fl-Imqabba. Biss, sa tmiem is-sena 2022, il-mira prinċipali tal-Kumitat Amministrattiv, flimkien mal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, se tibqa’ ċ-ċelebrazzjonijiet li matul din is-sena qegħdin ifakkru il-250 anniversarju mit-twaqqif tal-istess Fratellanza fl-Imqabba. Il-qofol ta’ dawn iċ- ċelebrazzjonijiet se jintlaħaq fil-jiem tal-festa ta’ Marija Immakulata fl-Imqabba li se tiġi ċċelebrata fil-Jum Solenni tagħHa, propju nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru 2022.

ĠABRA BL-ENVELOP B’RISQ IL-FESTI

Għaldaqstant, b’dawn iż-żewġ avvenimenti li kontinwament javviċinawna, il-Kumitat Amministrattiv se jkun qed jagħmel il-ġabra bl-envelop mid-djar tagħkom is-Soċji u l- Partitarji, li se tibda min-nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Awwissu 2022 u tissokta fil-jiem ta’ wara. Hija x-xewqa tagħna li kull familja tagħti GĦOTJA MINIMA TA’ €10.00, b’hekk inkunu qegħdin intaffu parti mill-ispejjeż li jirrikjedu ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Ninsabu persważi li l-ġenerożità tagħkom se terġa’ tispikka u li se tilqgħu t-talba ġenwina tagħna bil-għan li tagħmlulna aktar kuraġġ inkomplu naħdmu. Nirringrazzjawkom mill-qalb bil-quddiem.

LILY JUNIORS, LILY YOUTHS U TEAM MEDIA: TIĠDID TAL-GĦAQDIET

Intant, fuq lenti amministrattiva, ma’ din iċ-ċirkolari qegħdin noħorġu l-applikazzjonijiet biex jiġu mwaqqfa l-għaqdiet tal-LILY JUNIORS, l-għaqda-skola innovattiva taħt it-treġija tas-Sezzjoni Soċjali li tħaddan fiha tfal b’etajiet minn 4 sa 11-il sena, u l-LILY YOUTHS, l- għaqda b’kumitat taħt it-treġija tas-Sezzjoni Żgħażagħ li tħaddan fiha żgħażagħ adolexxenti b’etajiet minn 12 sa 16-il sena. Ma’ dawn se jiġi mġedded formalment it-TEAM MEDIA, b’sejħa għal persuni kreattivi, intiżi fuq teknoloġija u mezzi ta’ komunikazzjoni konvenzjonali u diġitali. Inħeġġu lil dawk kollha interessati biex ma joqogħdux lura u jingħaqdu magħna għal aktar ħidma kollettiva. Aktar dettalji jinsabu fuq il-formoli annessi.

Lily Juniors > Applika online.
Lily Youths > Applika online.
Team Media > Applika online.

SEDUTA ĠENERALI ANNWALI: FESTA 2022

Il-Kumitat Amministrattiv qiegħed jistieden lis-Soċji kollha għas-SEDUTA ĠENERALI ANNWALI ta’ nofs is-sena li ser tinżamm nhar il-Ħadd, 21 ta’ Awwissu 2022 fl-10:00am fis- Sala għall-Kunċerti u Konferenzi ta’ Palazz il-Ġilju. Waqt din il-laqgħa ser jingħataw rendikonti amministrattivi u finanzjarji relatati mal-festa li għadna kif iċċelebrajna u jiġu diskussi proposti dwar dak kollu li hemm imħejji għall-futur tas-Soċjetà u l-festa. L- attendenza tagħkom hija essenzjali sabiex nisimgħu lil xulxin u noħorġu b’suġġerimenti ġodda u siewja. B’rabta ma’ dan, se nkunu qegħdin insostnu l-punt fl-istatut li jgħid li membri li huma rreġistrati bħala Soċji biss se jkunu eliġibbli sabiex jattendu s-Seduta. Għaldaqstant, inħeġġu aktar persuni sabiex jissieħbu mill-aktar fis possibbli sabiex jirregolarizzaw il-menswalità tagħhom. Agħmlu dan billi tavviċinaw u tħallsu membru tal- Kumitat Amministrattiv jew permezz tal-applikazzjoni Revolut fuq in-numru 9957 3871 bid- dettalji tagħkom.

BARBECUE ANNWALI B’RISQ L-GĦAQDA NAR

L-Għaqda Nar Madonna tal-Ġilju se tkun qed terġa’ torganizza BARBECUE ANNWALI biswit il-Kumpless tan-Nar nhar it-Tlieta, 20 ta’ Settembru 2022, lejlet festa pubblika. Inħeġġukom tingħaqdu magħna għal ikla mill-aqwa f’serata divertenti li biha se nkunu qegħdin ngħinu lil sħabna li tant jiddedikaw ħin u jagħmlu sagrifiċċji kbar jaħdmu prodott professjonali imma perikoluż sabiex il-festa tant għażiża għalina ma jkun jonqosha xejn! Ibbukkjaw il- postijiet tagħkom minn issa billi tagħmlu kuntatt magħna fuq 7985 3044 jew 7953 9542.

Intemmu dal-messaġġ billi nirringrazzjaw lilkom tas-sostenn kontinwu tagħkom u fuq kollox lill-Madonna tal-Ġilju talli kontinwament iżżommna taħt il-ħarsien tagħHa.

VIVA L-MADONNA TAL-ĠILJU!