Għeżież Soċi u Partitarji,

Is-Soċjetà Mużikali tagħna qed tgħix mument prestiġjuż, għaliex kif ippromwovejna u mmarkajna matul is-sena 2022, ninsabu nfakkru l-250 SENA ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAL-FRATELLANZA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI FL-IMQABBA. Huwa fid-dover tagħna li nibqgħu ngħożżu u nfakkru mumenti storiċi bħal dawn għaliex hija l-istorja tal-fidi tagħna li ssawwarna u tagħmel il-festi tagħna uniċi. Iva, iż-żminijiet inbidlu b’mod konsiderevoli, iżda huwa ta’ unur li nikkommemoraw kwart ta’ millenju ta’ devozzjoni lejn il-Madonna tal- Ġilju li dejjem kompliet titkattar fil-pajjiż tagħna, f’liema s-Soċjetà tagħna għandha l- pivileġġ tkun fost l-uniċi li jgħollu u jiċċelebraw dan it-titlu singulari tagħHa.

Intant, bħala kulminazzjoni u konklużjoni ta’ dan l-anniversarju, il-Kumitat Amministrattiv, li għadu kemm iġġedded fil-jiem li għaddew, ħejja programm ta’ attivitajiet għal Novembru u Diċembru li jikkommemora din iċ-ċelebrazzjoni ta’ prestiġju. Apparti mill-FESTA li se tiġi ċċelebrata fil-Jum Solenni tagħHa, propju nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru 2022, b’mod notevoli se tkun qed tittella’ AKKADEMJA MUŻIKO-LETTERARJA ġewwa l-Knisja Parrokjali tal- Imqabba nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022 fis-7:00pm bis-sehem tal-Banda Madonna tal- Ġilju. Kulħadd huwa mistieden jattendi għal din is-serata speċjali, għal-liema l-inviti se jkunu qegħdin jitqassmu fil-jiem li ġejjin.

Kif tistgħu tapprezzaw, hemm spejjeż konsiderevoli marbutin maċ-ċelebrazzjoni ta’ din il- festa speċjali, u għaldaqstant, il-ĠABRA TA’ DONAZZJONIJIET BL-ENVELOP mid-djar tagħkom is-Soċji u l-Partitarji, li se tibda fil-jiem li ġejjin, se ssir għal dan il-għan. Kull kontribuzzjoni, żgħira kemm hi żgħira, tfisser ħafna għalina, speċjalment matul dawn il-mumenti ta’ diffikultajiet finanzjarji globali. Jekk huwa possibli, nitolbu kull familja sabiex tikkontribwixxi GĦOTJA MINIMA TA’ €10.00, li għalina tkun tfisser injezzjoni ta’ fiduċja li timliena b’kuraġġ biex inkomplu nwettqu l-ħidma tagħna ta’ tfakkir il-passat glorjuż tal-antenati tagħna fil- preżent u fil-futur. Kull min jixtieq irċevuta għandu jikteb l-isem u l-indirizz tiegħu fuq l- envelop.

Filwaqt li, bħal dejjem, napprezzaw il-kontribuzzjoni u l-involviment tagħkom, nassigurawkom li bħala Soċjetà dejjem konna u se nibqgħu nkunu hemm sabiex inkomplu ngħollu u ngħożżu fostna lkoll il-preżenza tal-Patruna tagħna, IL-MADONNA TAL-ĠILJU.

KUMITAT AMMINISTRATTIV 2022-2024
Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, l-Imqabba


ĦUDU NOTA TA’ DAWN L-ATTIVITAJIET ORGANIZZATI MIS-SOĊJETÀ MUŻIKALI MADONNA TAL-ĠILJU FIL-ĠIMGĦAT U L-JIEM LI ĠEJJIN:

  • PASTA NIGHT mis-Sezzjoni Żgħażagħ: Is-Sibt, 12 ta’ Novembru 2022 fis-7:30pm;
  • ONE-DAY DARTS TOURNAMENT mis-Sezzjoni Żgħażagħ: Is-Sibt, 12 ta’ Novembru 2022 fl-10:00am;
  • ONE-DAY PLAYSTATION TOURNAMENT mis-Sezzjoni Żgħażagħ: Il-Ħadd, 13 ta’ Novembru 2022 fl-10:00am;
  • HIGH TEA mis-Sezzjoni Soċjali: Il-Ħadd, 27 ta’ Novembru 2022 fit-3:00pm;
  • L-IKLA TRADIZZJONALI TAL-FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI: L-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru 2022 fit-8:00pm;
  • IL-FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI: Il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru 2022;
  • AKKADEMJA MUŻIKO-LETTERARJA mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba: Il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022 fis-7:00pm;
  • CHRISTMAS PARADE mis-Sezzjoni Soċjali fil-Pjazza tal-Imqabba: Is-Sibt, 10 ta’ Diċembru 2022 fis-7:00pm;
  • BAZAAR TAL-MILIED mis-Sezzjoni Soċjali fil-Pjazza tal-Imqabba: Is-Sibt, 10 ta’ Diċembru 2022;
  • FOOTBALL TOURNAMENT mis-Sezzjoni Żgħażagħ: Il-Ħadd, 11 ta’ Diċembru 2022;
  • KUNĊERT TAL-MILIED mill-Banda Madonna tal-Ġilju: Is-Sibt, 17 ta’ Diċembru 2022 fis-7:00pm;
  • TQASSIM TA’ RIGALI MINN SANTA KLAWS: Is-Sibt, 23 ta’ Diċembru 2022 mis- 6:00pm;
  • PARTY TAL-MILIED GĦAT-TFAL: It-Tlieta, 27 ta’ Diċembru 2022 fl-4:00pm.