Ċirkolari Ġenerali (Settembru 2022)

Għeżież Soċi u Partitarji,

Permezz ta’ dil-korrispondenza, qegħdin nagħmlu kuntatt magħkom fi tmiem is-sajf sabiex inżommukom infurmati bl-andament kurrenti tas-Soċjetà tagħna u l-fergħat fi ħdanha.

250 SENA MIT-TWAQQIF TAL-FRATELLANZA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI FL- IMQABBA
Infakkru li sa tmiem is-sena 2022, il-mira prinċipali tal-Kumitat Amministrattiv, flimkien mal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, se tibqa’ ċ-ċelebrazzjonijiet li matul din is-sena qegħdin ifakkru il-250 anniversarju mit-twaqqif tal-istess Fratellanza fl-Imqabba. Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jintlaħaq fil-jiem tal-festa ta’ Marija Immakulata fl-Imqabba li se tiġi ċċelebrata fil-Jum Solenni tagħHa, propju nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru 2022. Inħeġġukom tingħaqdu magħna għall-attivitajiet kollha li se jwassluna sa din il-festa prestiġjuża li tara ħruġ il-vara tal-Madonna tal-Ġilju għat-tieni darba matul is-sena!

TIĠDID TAL-KUMITAT AMMINISTRATTIV
Nixtiequ navżaw li issa fetħet l-applikazzjoni (applika online) għal tiġdid tal-Kumitat Amministrattiv għat- terminu 2022-2024. Il-perjodu ta’ applikazzjoni jagħlaq nhar il-Ħadd, 2 ta’ Ottubru 2022. L-applikazzjoni, flimkien mar-responsabbiltajiet u r-regolamenti li se jiġu applikati, jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tas-Soċjetà: www.talgilju.com jew billi jiġi kkuntattjat is- Segretarju Ġenerali preżenti, is-Sur Julian Falzon, fuq: 7740 6720. Nirringrazzjaw mill-qalb lill-membri dedikati li servew fil-Kumitat tul dawn is-sentejn turbulenti, filwaqt li nħeġġu lilkom is-soċi ħabrieka sabiex tidħlu għall-ħidma amministrattiva tul is-sentejn li ġejjin.

TAGĦLIM TAL-MUŻIKA MAL-BANDA MADONNA TAL-ĠILJU
Il-Kumitat Amministrattiv qiegħed iħeġġeġ lil aktar individwi, b’mod speċjali tfal u żgħażagħ, sabiex jingħaqdu mal-iskola tal-mużika fi ħdan il-Banda Madonna tal-Ġilju, l- ewwel Banda Mqabbija. Infakkru li s-sessjonijiet mużikali jsiru kull nhar ta’ Sibt filgħodu ġewwa l-każin tagħna taħt is-superviżjoni tal-bravi u dedikati Surmastrijiet tagħna! Nagħmlu appell sabiex jitħajru u jingħaqdu aktar bandisti jitgħallmu fl-ambjent edukattiv, sikur u professjonali li jista’ joffri biss Palazz il-Ġilju ġewwa s-Sala tal-Kunċerti u l-Konferenzi. Għal aktar dettalji, wieħed għandu jibgħat email fuq: [email protected] jew jikkuntattja lis- Segretarju preżenti tal-Għaqda Banda, is-Sur Nathan Bonnici, fuq: 7978 7775.  Tista’ tapplika online wkoll billi tagħfas fuq dan il-link.

 

Intemmu dal-messaġġ billi nirringrazzjaw lilkom tas-sostenn kontinwu tagħkom u fuq kollox lill-Madonna tal-Ġilju talli kontinwament iżżommna taħt il-ħarsien tagħHa.

VIVA L-MADONNA TAL-ĠILJU!