B’niket kbir, is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju u l-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni jħabbru l-mewt ta’ Joseph Farrugia, magħruf bħala “Żeppi l-Iskarjol” li mar jiltaqa’ mal-Mulej nhar il-Ħamis 14 ta’ Lulju fl-għomor ta’ 85 sena. Tul ħajtu, sa minn età żgħira, Żeppi kien attiv sew fis-Soċjetà, b’mod speċjali fil-qasam pirotekniku, fejn kien l-ewwel “Licensee” tal-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju. Dawn l-aħħar snin huwa kien ingħata l-kariga ta’ Membru Onorarju bħala rikonoxximent ta’ ħidmietu. Huwa kien membru attiv tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni sal-aħħar. Flimkien ma’ martu Pawla, huma partitarji eżemplari u rawwmu l-imħabba lejn il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju fil-ħames ulied tagħhom u kif ukoll fin-neputijiet. L-aħħar tislima lil Żeppi ser tingħata l-Ġimgħa 15 ta’ Lulju fit-3:00pm fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba.

Il-Fratellanza jestendi l-kondoljanzi sinċieri lill-familjari kollha filwaqt li niftakru fih fit-talb tagħna biex il-Madonna tal-Ġilju li tant kien iħobb tħaddnu magħHa.

AGĦTIH O MULEJ IL-MISTRIEĦ TA’ DEJJEM, ID-DAWL TA’ DEJJEM JIDDI FUQU, JISTRIEĦ FIS-SLIEM.