Il-Kumitat Amministrattiv fi ħdan is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba ser jorganizza s-Seduta Ġenerali Annwali tiegħu nhar il-Ħadd 30 ta’ April 2023 fil-Każin tas-Soċjeta’ li jinsab fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba, mill10:00am il-quddiem. Is-Seduta ser tkun tikkonsisti minn rapporti amministrattivi u finanzjarji mħejjija mid-diversi fergħat tas-Soċjeta’. Ser ikun hemm ukoll hin allokat għal diskussjoni li titratta l-Festa tal-Madonna tal-Gilju 2023 kif ukoll il-proġetti varji li s-Soċjeta’ qegħda tagħmel fil-preżent, fosthom ir-rikostruzzjoni tal-Każin.

Is-soċji tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju huma mħeġġa jattendu bi ħġarhom għal din il-laqgħa importanti u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar dak kollu li jiġi diskuss. B’rabta ma’ dan, insostnu l-punt fl-istatut li jgħid li membri li huma rreġistrati bħala soċji biss se jkunu eliġibbli sabiex jattendu.