Għeżież Soċi u Partitarji,
Biss ftit jiem wara l-festa f’Ġunju, il-fergħat kollha fi ħdan is-Soċjetà Mużikali tagħna ssoktaw b’ħidmiethom b’risq il-festa tal-MADONNA TAL-ĠILJU li jmiss, hekk kif diġà ġew organizzati bosta attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Ta’ min infakkru li s-sena 2024 se timmarka s-60 sena anniversarju mill-inawgurazzjoni tal-kumpless tan-nar: THE LILY FIREWORKS FACTORY.
Biss, l-appuntament ewlieni li jmiss huwa nofs triq għall-festa tal-Madonna tal-Ġilju; qegħdin nirreferu għall-festa tal-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI. Nixtiequ nħeġġukom tikkonkorru b’mod numeruż għall-attivitajiet kollha li se jiġu organizzati b’rabta ma’ din il-festa, u fuq kollox li timmarkaw id-data tal-Ħadd, 10 ta’ Diċembru; jum il-Purċissjoni Solenni bil-vara tant għażiża tal- Madonna tal-Ġilju, bil-Quddiesa Solenni tibda fl-4pm. Nappellaw għall-parteċipazzjoni tal-partitarji kollha, għaliex għandna tassew għalfejn inkunu kburin b’dan il-privileġġ uniku, li l-vara artistika tant għażiża tagħna toħroġ proċessjonalment darbtejn kull sena! Din is-sena, nhar il-Ħamis, 7 ta’ Diċembru, il-Banda Madonna tal-Ġilju ġiet mistiedna tagħti servizz fil-festi esterni ad unur Marija Immakulata fil-Belt Cospicua. Bħal ma sar sena ilu, nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Diċembru filgħodu, se ssir ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri mill-kumitati f’riġlejn l-istatwa ta’ Marija Immakulata fuq il-Mentna, filwaqt li filgħaxija, se tiġi organizzata l-ikla tradizzjonali tal-festa qalb diversi attivitajiet oħra matul dik il-ġimgħa u SORPRIŻA għalikom is-soċi u partitarji…
Nhar is-Sibt, 9 ta’ Diċembru, il-kumitat tas-Sezzjoni Soċjali se jorganizza attività tal-Milied għall- familja kollha fil-Pjazza tal-Knisja, imbagħad nhar il-Ħadd, 10 ta’ Diċembru filgħodu, Palazz il-Ġilju se jkun miftuħ għal Open Day, b’foka speċjali fuq it-tagħlim tal-banda, u dan fost aktar attivitajiet li se jwassluna għal dawn il-jiem sbieħ f’raħalna. Ma’ din iċ-ċirkolari għandkom issibu wkoll applikazzjoni sabiex tissieħbu mal-kumitat tal-Għaqda Banda għat-terminu 2023-2024.
Kif tistgħu timmaġinaw, hemm spejjeż konsiderevoli marbuta ma’ dak kollu li norganizzaw, b’mod speċjali mal-festi, li jibqgħu l-għan ewlieni tas-Soċjetà tagħna. Kull kontribuzzjoni tiswa’ ħafna, imma nissuġġerixxu li kull familja minn tal-anqas tikkontribwixxi €10.00, li tkun tfisser injezzjoni ta’ fiduċja li timliena b’kuraġġ biex inkomplu nwettqu l-ħidma tagħna, f’liema nibqgħu nfakkru l-passat glorjuż tagħna, minn dak ta’ missirijietna sa dak l-aktar riċenti. Membri uffiċjali se jkunu qegħdin jiġbru l-għotja tagħkom fl-envelop ipprovdut min-nhar il-Ħamis, 26 ta’ Ottubru 2023. Kull min jixtieq irċevuta għandu jikteb ismu u l-indirizz fl-ispazju provdut.
Filwaqt li, bħal dejjem, napprezzaw il-kontribuzzjoni u l-involviment tagħkom, nassigurawkom li bħala Soċjetà dejjem konna u se nibqgħu nkunu hemm sabiex inkomplu ngħollu u ngħożżu fostna lkoll il-preżenza tal-Patruna tagħna, IL-MADONNA TAL-ĠILJU.
KUMITAT AMMINISTRATTIV 2022-2024
Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, l-Imqabba