L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Isqof Giovanni Cefai huwa l-mistieden speċjali għall-Festa tal-Madonna tal-Ġilju ta’ din is-sena fl-okkażjoni tal-festi speċjali li qegħdin ifakkru l-425 anniversarju minn meta l-Imqabba saret Parroċċa. Monsinjur Giovanni Cefai nħatar mill-Papa Franġisku bħala l-ewwel Isqof tal-prelatura territorjali ta’ Apóstol de Huancané, fil-Perù. Il-ħatra tiegħu tħabbret

f’April 2019 u l-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. Giovanni Cefai MSSP saret fil-Katidral ta’ Arequipa, il-Peru, fit-22 ta’ Ġunju 2019. L-Isqof Cefai, li hu miż-Żebbuġ, Għawdex huwa l-ewwel Isqof Malti tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl.

Monsinjur Cefai ser ikun qed imexxi l-Quddiesa Pontifikali Solenni tal-paniġierku l-Ħadd, 18 ta’ Ġunju, nhar il-festa tal-Madonna tal-Ġilju fid-9:00am.

Il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni kif ukoll is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju jixtiequ jħeġġu lid-devoti u lill-Imqabbin kollha biex jattendu għal din il-Quddiesa Pontifikali Solenni.

Inħeġġu parteċipazzjoni bi ħġarna biex niċċelebraw il-Festa kif jixraq u nilqgħu fostna lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Isqof Giovanni Cefai ġewwa l-Knisja nhar il-Festa fid-8:45am.