‘The single biggest problem in communication is the illusion that it has taken place.’

George Bernard Shaw

Fir-rigward tal-425 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa awtonoma tal-Imqabba, li propju seħħ bħal-lum ġimgħa, oriġinarjament inħarġet stqarrija mis-Soċjetà tagħna li tgħid li b’dispjaċir se jiġi ċċelebrat mingħajr l-involviment tagħha. Id-dettalji, b’obbligu u rispett, ingħataw lis-soċi u l-partitarji, iżda fid-dawl tal-istqarrija li ħarġet ilbieraħ mis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, qegħdin jiġu ppubblikati l-korrispondenzi kollha li saru annessi b’link ma’ din l-istqarrja, sabiex hekk l-istorja tkun ħarġet KOLLHA miż-żewġ partijiet ikkonċernati.

Il-Komunikat

Il-komunikat tagħna f’dan ir-rigward beda sa minn kmieni mis-6 ta’ Frar 2023, b’mhux anqas minn tnax-il korrispondenza miktuba, l-ewwel indirizzati lejn il-Kappillan Dun John Curmi, imbagħad lejn il-Kurja tal-Arċisqof sa anki lejn l-E.T. Arċisqof innifsu, f’liema għal diversi drabi tlabna għal udjenza miegħu, imma ma waslitx. Tajjeb insemmu li fl-ebda punt ma kien hemm okkażjoni ta’ djalogu jew diskussjoni organizzata mill-Uffiċċju Parrokkjali sabiex il-kwistjonijiet jiġu indirizzati lokalment u immedjatament, speċjalment bejn is-Soċjetajiet. Dan huwa stat ta’ fatt li ġie kkonfermat miż-żewġ partijiet ikkonċernati.

Il-Korrispondenzi

Bħala s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju u l-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, bdejna billi offrejna d-disponibbiltà tagħna sabiex nipparteċipaw f’kull attività li se tiġi organizzata mill-Parroċċa tal-Imqabba matul dan l-anniversarju. Dan sar b’komunikat uffiċjali fi Frar 2023 mill-parti tagħna wara li ma sar l-ebda komunikat magħna min-naħa tal-Parroċċa.

Kien wara dan il-komunikat li l-Kappillan talabna nressqu t-talbiet tagħna għall-okkażjoni, u tlabna biss li ċ-ċelebrazzjonijiet ikunu bħal dawk li saru 25 sena ilu, jiġifieri li jsir ħruġ fuq iz-zuntier tal-vara tal-Madonna tal-Ġilju wara l-ħruġ min-niċċa ġimgħa qabel il-festa tagħna, bil-mixgħela tal-faċċata u l-kampnar tal-Knisja ssir tul il-ġimgħa kollha u bil-funzjoni tat-Tridu tkun bis-sehem tal-orkestra u l-kant tat-Te Deum wara l-quddiesa ta’ lejlet il-festa tagħna. Hekk, dan il-privileġġ kien ikun tal-festi kollha tal-Parroċċa imqar għas-sena 2023.

Ir-risposta tal-14 ta’ Marzu 2023, li l-Kappillan għaddielna mill-Kurja tal-Arċisqof, totalment injorat dawn it-talbiet tagħna. Minflok iddikjarat li nhar it-13 ta’ Settembru ssir serata mużiko-letterarja bis-sehem taż-żewġ baned inkella b’baned separati nhar it-12 u t-13 ta’ Settembru, nhar l-14 issir velja ta’ talb u nhar il-15 ta’ Settembru jsir pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Marija Assunta biss mingħajr is-sehem tal-banda wara quddiesa, bil-mixgħela tal-Knisja kollha matul l-aħħar jumejn. Iddikjarat ukoll li l-festi jsiru bħalma jsiru kull sena għaliex iċ-ċentinarju m’għandu rabta ma l-ebda Soċjetà Mużikali.

Mill-istqarrija tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V jidher li wkoll kien hemm diżappunt fir-riposta, u wara kuntatt li sar mal-Kappillan mill-parti tagħna, ir-risposta tiegħu lilna kienet li għandna niktbu lill-Kurja tal-Arċisqof direttament ukoll. Għal din ir-raġuni, għal darba darbtejn, ir-risposta tagħna lill-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V kienet li ‘d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin’ għax propju dak kien il-każ. Jekk veru kien hemm diżappunt, imissu kien voċiferat bħal tagħna u mhux aċċettat wara biss ġimgħatejn…

Sadanittant f’risposta uffiċjali lill-Kurja tal-Arċisqof minflok, tlabna li l-pellegrinaġġ għandu jkun wieħed bil-vari kollha tal-Parroċċa jew inkella bil-vara tal-Madonna tad-Duluri, propju fil-jum ta’ tifkira tagħHa, fid-dawl ta’ aktar għaqda u inklussività fil-Parroċċa tagħna, bil-mixgħela tal-faċċata u l-kampnar tal-Knisja tkun tul il-ġimgħa kollha tal-festi tal-Imqabba. Tajjeb insemmu li hawn diġà konna qegħdin nistennew risposta għal udjenza mal-E.T. Arċisqof.

Ir-risposta li waslet fl-aħħar ta’ Mejju 2023 mill-Kurja tal-Arċisqof injorat dawn it-talbiet ġodda tagħna, inkluża dik għal udjenza mal-E.T. Arċisqof, u rreferietna għall-punti tat-tweġiba preċedenti. B’għaqal stennejna l-festa tal-Madonna tal-Ġilju tgħaddi sabiex b’tama jitkomplu t-taħdidiet wara.

F’Lulju 2023, wara komunikat kontinwu mal-Kurja tal-Arċisqof, ġejna mitluba nagħmlu udjenza mal-E.T. Arċisqof wara l-aħħar ta’ Ottubru 2023 minħabba li kien indispost, jiġifieri wara li jkun għadda l-anniversarju. Iżda f’dal-punt xorta waħda bqajna nistennew b’għaqal sabiex tgħaddi wkoll il-festa ta’ Santa Marija u ċ-ċelebrazzjonijiet ma jkunux imtappna bid-dibattitu.

Fl-aħħar ta’ Awwissu 2023, minkejja li ġejna injorati issa għal diversi drabi, xorta konna lesti li nkunu parteċipi, bl-aħħar talba dinjituża li għamilna kienet li jekk dan tassew huwa anniversarju tal-Parroċċa tal-Imqabba, sehem il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-pellegrinaġġ ta’ Marija Assunta ikun wieħed komplut li jinkludi sehem fl-irfigħ maqsum mal-Fratellanzi kollha tal-Imqabba, b’kull Fratellanza tingħata ħin allokat għall-istess irfigħ, kif sewwa u xieraq għar-raħal tagħna f’okkażjoni li suppost tmur lil hinn mill-festi tal-każini. Il-messaġġ aħħari tagħna kien:

‘Eċċellenza, nitolbok tinnota li din l-aħħar talba ċkejkna tagħna ma tibdel xejn minn dak li ġie deċiż mill-uffiċċju tiegħek xhur ilu, imma anzi tagħti sens ta’ sjieda konġunta u inklussività fil-Parroċċa tagħna f’okkażjoni li anki issa għad għandha potenzjal tkun ta’ għaqda bejn is-Soċjetajiet soċjo-kulturali u reliġjużi f’raħalna.’

Iżda risposta, djalogu u direzzjoni mill-entitajiet Ekkleżjastiċi, għal darba oħra, ma kellniex.

Sehem il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni

Il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni dejjem kienet parteċipi f’anniversarji fejn sar djalogu kostruttiv xprunat mill-Uffiċċju Parrokkjali. Eżempju ċar huwa dak tas-sena 2011, propju fil-175 sena anniversarju mill-miġja tal-istatwa ta’ Santa Marija fl-Imqabba, meta l-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni kellha sehem sħiħ, kif jixhed ir-ritratt.

Irrelevanti mill-kulur tal-mazzetti, għal dan l-anniversarju tal-Parroċċa, li jmur lil hinn mill-festi tal-Imqabba jew digriet li sar kważi 50 sena ilu, is-sejħa u l-applikazzjoni għar-reffiegħa ma kellha qatt toħroġ mis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V kif sar, iżda mill-Uffiċċju Parrokkjali, għalkemm il-Kappillan offra parteċipazzjoni għall-Fratellanza mingħajr irfigħ. Interessanti wkoll ngħidu li l-laqgħa għar-reffiegħa l-ewwel kienet se ssir fis-Sede tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V imbagħad jumejn qabel il-pellegrinaġġ daret għall-Kappella ta’ San Bażilju, sforz id-dispjaċir li kien qiegħed jinħass fil-lokal. Jidher biċ-ċar li l-istorja bdiet tieħu żvolta differenti mal-ħin sabiex tinħass aktar inklussiva meta diġà kien tard wisq… U la ssemmew ukoll il-mazzetti, ġaladarba dan kien pellegrinaġġ, in-norma hija li kunfratiji u mazzetti ma jintlibsux mir-reffiegħa; fatt ieħor li jkompli jikkonferma kemm l-affarijiet ma sarux kif suppost, anki li kieku mxejna kelma b’kelma mad-digriet maħruġ mill-Kurja tal-Arċisqof f’Marzu 2023.

Irrelevanti wkoll huwa n-numru ta’ fratelli; kemm kien ikun isbaħ kieku n-numru ma kienx in-nofs li kien imma minflok b’kull Fratellanza Mqabbija ikollha sehem konġunt f’Parroċċa li tivvenera lill-Madonna b’diversi titli iżda fl-aħħar mill-aħħar onorata bit-titlu sabiħ ta’ Santa Marija. Mhux din li kellha tkun il-vera tifsira tal-okkażjoni?

Il-Programm u l-Promozzjoni tal-Anniversarju

Kif ġie elenkat fl-istqarrija tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, nifhmu li l-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament m’għandhiex paġna uffiċjali fuq il-mezzi soċjali, iżda l-Parroċċa għandha waħda attiva li fl-ebda mument ma ġiet użata għal dan l-anniversarju. Nistednukom tikkonfermaw dan billi żżuru l-paġna soċjali li qegħdin nirreferu għaliha: https://www.facebook.com/parroccamqabba.

Allura nistaqsu, jekk l-anniversarju kien wieħed tal-Parroċċa kollha, għaliex il-programm ta’ attivitajiet u l-promozzjoni tal-anniversarju ma ħarġux mill-Uffiċċju Parrokkjali?

Naħseb hawn tajjeb ukoll li nfakkru li lura fis-sena 2020, fi żmien il-Pandemija COVID-19, l-Uffiċċju Parrokkjali għamel użu mill-istazzjon komunitarju tagħna TalĠilju FM li sar leħen il-komunità u l-promozzjoni ħarġet mill-istess paġna soċjali, kif jixhed ir-ritratt. Dan kien ġest li vera wera x’saħħa għandha l-Parroċċa tal-Imqabba meta kull parti tagħha tkun rikonoxxuta u stmata ugwali, kif xtaqna mill-bidu nett ta’ din is-sekwenza ta’ avvenimenti sfortunati.

L-Armar, l-Akkademja Mużiko-Letterarja u Ħruġ il-Vara

Tajjeb ukoll insemmu li l-armar tad-dawl tal-festa ta’ Santa Marija fil-pjazza u t-toroq tal-madwar konvenjentement baqa’ f’postu mingħajr ma s-Soċjetà tagħna kienet ikkonsultata jew offruta l-opportunità tagħmel il-parti tagħha, f’okkażjoni li suppost kienet tal-Parroċċa tal-Imqabba kollha. Hawn ukoll, fl-ebda mument ma konna avviċinati mill-Uffiċċju Parrokkjali sabiex nagħtu s-sehem tagħna. Allura jkollna nistaqsu: Għaliex għal akkademja ġejna mistiedna nagħtu sehem u għall-kumplament tal-preparamenti le? Infakkru li 25 sena ilu ġejna mitluba narmaw sett bandalori fil-Pjazza tal-Knisja mill-Uffiċċju Parrokkjali u sintendi, aċċettajna u hekk sar.

Intant, fiċ-ċirkostanzi xejn favorevoli, bi djalogu ineżistenti u dewmien li kien hemm fir-risposti, is-sehem tagħna fis-serati mużiko-letterarji proposti fit-12 u/jew fit-13 ta’ Settembru żgur ma kienx se jkun possibbli, għal-liema xorta waħda kellu joħroġ invit mill-Uffiċċju Parrokkjali u mhux mis-Soċjetajiet ġaladarba huwa l-organizzatur. Interessanti wkoll huwa ħruġ il-vara min-niċċa li, b’konferma mill-Kappillan stess, ġaladarba din mhix il-festa ta’ Soċjetà, kellu jsir nhar it-Tlieta, 12 ta’ Settembru 2023, ġurnata qabel is-serata mużiko-letterarja mtellgħa mill-Banda Re Ġorġ V, iżda minflok seħħ jumejn qabel, propju nhar il-Ħadd, 10 ta’ Settembru 2023. F’dan il-punt ikkonfermajna li ma kienx għad hemm kontroll fuq l-okkażjoni mill-Uffiċċju Parrokkjali…

L-Andament tal-Anniversarju

Mal-Uffiċċju Parrokkjali u mal-Kurja tal-Arċisqof ġie ċċarat li se toħroġ ċirkolari u stqarrija pubbika, fuq kollox b’dover lejn is-soċi u l-partitarji li għamlulna pressjoni sabiex nagħtu spjegazzjoni b’dak kollu li kien qiegħed iseħħ f’wiċċ kulħadd, mument wara mument. In-nuqqas u l-weġgħa ġew ikkomunikati; ir-reazzjoni tal-parruċċjani partitarji u ħafna oħrajn kienet ċara u immedjata. Bħala Kumitat Amministrattiv, nikkundannaw kliem jew azzjonijiet ta’ disprezz ta’ ċerti individwi minn kull parti, speċjalment fil-konfront tal-Kappillan. Sfortunatament, meta kwistjonijiet jakkumolaw, maż-żmien jispiċċaw jeskalaw.

Biss, tajjeb li nsemmu li direzzjoni lis-soċi u l-partitarji xorta waħda ngħatat mill-parti tagħna. Dakinhar tal-akkademja u l-pellegrinaġġ, la sar tisbit tas-saqajn, koinċidentalment bħalma sar 25 sena ilu u donnu ntesa’, u bil-wisq anqas saru protesti. Il-każin kien u baqa’ miftuħ; ġurnata bħall-oħrajn għal-liema kellna x-xewqa li tkun waħda speċjali għall-Imqabbin kollha, iżda ma kellux ikun. Inutli niftaħru bir-ritratti tal-okkażjoni meta fl-Imqabba nħasset tensjoni li setgħet ġiet evitata b’komunikazzjoni diretta mill-Uffiċċju Parrokkjali sa mill-bidu nett.

Allura hawn ikollna nistaqsu: Għaliex fl-ebda mument ma kellna laqgħa msejħa mill-Uffiċċju Parrokkjali sabiex it-talbiet, l-inviti, il-programm, id-diskussjonijiet u forsi, iva, anki d-dibattiti kostruttivi jsiru madwar mejda waħda newtrali? Għaliex ma twaqqafx kumitat jew kummissjoni li tinkludi l-preżenza taż-żewġ Soċjetajiet, rappreżentanti mill-Kunsill Lokali u forsi persuni oħra indipendenti, bħalma ġara 25 sena ilu?

Dawn il-mistoqsijiet qegħdin isiru mhux lill-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, li forsi nistgħu nifhmu li kompla jorganizza programm li, minkejja ma kienx estensiv daqskemm talab oriġinarjament, xorta waħda kien favorevoli għas-Soċjetà li jirrappreżenta. Le, il-mistoqsijiet tagħna huma diretti bl-aktar mod diplomatiku lill-Uffiċċju Parrokkjali u l-Kurja tal-Arċisqof, lil min issa tlabna li ssir investigazzjoni fuq il-każ jekk veru hemm sens ta’ rieda tajba.

Il-Konklużjoni

Intant, nerġgħu lura għall-kwotazzjoni li bdejna biha u l-konklużjoni tagħna hija din: Bin-nuqqas ta’ KOMUNIKAZZJONI, l-Uffiċċju Parrokkjali totalment falla milli jkun il-medjatur u l-organizzatur li kellu bżonn dan l-anniversarju, u għal dawn ir-raġunijiet kollha msemmija, is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju ma pparteċipatx fih.

Nittamaw li din l-okkażjoni sservi bħala eżempju ta’ kif m’għandhomx isiru l-affarijiet, biss tajjeb li nirrimarkaw li kemm is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju kif ukoll il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni ma waqqfu lil ħadd milli jieħu sehem fl-okkażjoni, imma ħallew lill-parruċċjani jaslu għall-konklużjoni tagħhom jekk dan l-Anniversarju vera ġiex organizzat b’mod ġust bejn il-partijiet kollha kkonċernati. Pubblikament nistqarru li jekk tissejjaħ laqgħa mill-istess uffiċċju, anki issa f’dan l-istadju post mortem, aħna lesti li nattendu għall-ġid tal-komunità Imqabbija. Inwiegħdu li l-id tal-kollaborazzjoni u l-ħbiberija tkun aċċettata, anzi estiża, meta sħab ikunu stmati minn xulxin u minn ta’ madwarhom b’mod ugwali, propju fix-xahar li jiċċelebra l-ugwaljanza u l-inklussività madwar id-dinja kollha.

Allura xorta waħda ngħidu viva l-Imqabba; ir-raħal li jivvenera lil Omm Alla b’kull xbieha u titlu Mqaddes tagħHa – VIVA SANTA MARIJA – VIVA L-MADONNA TAL-ĠILJU.

Kumitat Amministrattiv 2022-2024
Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, l-Imqabba