Propju bħal-lum 9 xhur, l-Imqabba tkun qiegħda tiċċelebra l-jum solenni tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju, waħda mill-okkażjonijiet ewlenin fil-kalendarju tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba.
Is-sena 2026 hija sena tassew speċjali għall-komunità Ġiljana, hekk kif timmarka l-150 anniversarju mill-miġja tal-Vara artistika u devota tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba.
150 Sena mill-Miġja tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju
Kien propju nhar il-21 ta’ Mejju 1876 meta l-Vara tal-Madonna tal-Ġilju waslet għall-ewwel darba fostna l-Imqabbin. Għal dawn l-aħħar 150 sena, din il-Vara tant għażiża baqgħet fiċ-ċentru tad-devozzjoni u l-imħabba tal-Ġiljani lejn il-Madonna tal-Ġilju.
Dan l-anniversarju storiku qiegħed jiġi mfakkar matul l-2026 permezz ta’ diversi ċelebrazzjonijiet speċjali fl-Imqabba, li bdew bil-festi li saru f’Ġunju li għadda.
Ċelebrazzjonijiet Speċjali matul l-2026
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 anniversarju tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju se jilħqu l-qofol tagħhom f’Diċembru li ġej, bit-tieni ħruġ proċessjonali ta’ din il-Vara artistika u devota mat-toroq tal-Imqabba.
Din se tkun okkażjoni oħra speċjali għall-Ġiljani, id-devoti tal-Madonna tal-Ġilju u l-komunità Mqabbija sabiex jingħaqdu flimkien u jfakkru seklu u nofs ta’ storja, tradizzjoni u devozzjoni.
Fl-istess waqt, il-ħarsa tagħna ddur lejn il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba, li propju bħal-lum disa’ xhur terġa’ tlaqqagħna flimkien sabiex niċċelebraw il-jum solenni ad unur il-Madonna tal-Ġilju.
Seklu u Nofs Fostna
“Seklu u Nofs Fostna: Tama u Kuraġġ għall-Ġejjieni” – 1876 – 2026
Mija u ħamsin sena ta’ devozzjoni lejn il-Madonna tal-Ġilju, storja li għadha ħajja fostna u li tibqa’ tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.






