Fl-okkażjoni tax-xahar t’Ottubru, xahar iddedikat lir-Rużarju Mqaddes, is-Sezzjoni Soċjali fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba qiegħda torganizza t-talba tar-Rużarju quddiem il-Monument tal-Madonna tal-Ġilju. It-talba tar-Rużarju se ssir kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa matul ix-xahar kollu ta’ Ottubru, fis-7:00pm, quddiem il-monument li jinsab fil-Ġnien Madonna tal-Ġilju, fil-Bypass tal-Imqabba.
Ix-Xahar tar-Rużarju Mqaddes
Ix-xahar ta’ Ottubru huwa tradizzjonalment iddedikat lir-Rużarju Mqaddes, u għalhekk din l-inizjattiva toffri opportunità sabiex il-komunità tingħaqad fit-talb u fid-devozzjoni lejn il-Madonna. Is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tħeġġeġ lid-devoti kollha tal-Madonna u lill-komunità Mqabbija sabiex jingħaqdu għal dan il-mument ta’ talb tul ix-xahar ta’ Ottubru.
Id-devoti kollha tal-Madonna huma mħeġġa jattendu u jingħaqdu magħna fit-talba tar-Rużarju Mqaddes.






