President Raymond Ellul

Raymond Ellul twieled fid-19 ta’ Lulju 1885 iben Giovanni u Maria Ellul.  Hu kien miżżewweġ lil Ġuditta Cassar mill-Qrendi.  Minn dan iż-żwieġ kien hemm tliet ulied, iżda tnejn minnhom mietu sabiex l-uniku wild li għexet kienet bintom Julia.  Ellul kien jaħdem ġewwa Kalafrana bħala ħaddied.  Meta kien għadu ġuvni xtara dar fil-pjazza ta’ l-Imqabba, il-lok numru 13, Pjazza tal-Knisja. 

Meta żżewweġ mar joqgħod B’Buġia u l-post tiegħu kien jintuża bħala każin.  Kien membru fil-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.  Fi kliem bintu, “il-każin kien l-hena tiegħu”.  Kien jiġbor il-flus għal festa u jmidd idejh għal xogħol ta’ armar, l-aktar tindif u żebgħa.  Fi kliem bintu, “meta tersaq il-festa tkellmux”.  L-akbar proġett li sar taħt it-tmexxja ta’ Ellul kien il-vara l-kbira li ġiet inawgurata fl-1922. 

Meta kiber fl-età tilef id-dawl u ħalla din id-dinja fl-1959 fl-eta ta’ 74 sena.