L-ISTORJA TAGĦNA

Min Aħna

  • PRESIDENTI ONORARJI
  • MEMBRI ONORARJI
Home>>Dħul>>Min Aħna

Is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju hija entità ewlenija ġewwa r-raħal tal-Imqabba li trawwem u tħares komunità magħquda bl-għan prinċipali tal-organizzazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni annwali tal-festa tal-Madonna tal-Ġilju, qalb nisġa ta’ attivitajiet soċjali u spiritwali li jippreċeduha, li lkoll jiġu eżegwiti b’tant reqqa, imħabba u ħila diversa mill-membri, soċji u partitarji li jikkomponuha.

Il-Kumitat Amministrattiv, kompost minn membri b’karigi nominati, huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tal-operat ġenerali tas-Soċjetà, it-treġija tas-Sede tagħha Palazz il-Ġilju u t-tagħlim tal-Banda Madonna tal-Ġilju.

Flimkien mal-Għaqda Nar, l-Għaqda Armar, is-Sezzjoni Żgħażagħ, is-Sezzjoni Soċjali, il-Kummissjoni Banda, il-Kummissjoni Sports, Lily Juniors, Lily Youths u Team Media li joperaw fi ħdanha, fuq kollox il-Kumitat Amministrattiv jieħu ħsieb ukoll l-organizzazzjoni tal-festa annwali tal-Madonna tal-Ġilju f’Ġunju kif ukoll tal-festa annwali tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Diċembru, bi sħubija u parteċipazzjoni assoluta tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Imqabba. Palazz il-Ġilju, flimkien mal-Maħżen tal-Armar u l-Post tan-Nar, magħruf aħjar bħala The Lily Fireworks Factory, huma lkoll il-propjetà tal-istess Soċjetà.

AVVENIMENTI U ANNIVERSARJI NOTEVOLI

L-Oriġini

Oriġinarjament intitolata Circolo Pio X, is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba twaqqfet fis-sena 1911 mis-Sur Paolo Caruana, il-fundatur u l-ewwel president li mexxiha fl-ewwel snin kruċjali tagħha. Minkejja dan, l-istorja tal-festa tal-Madonna tal-Ġilju ġewwa l-Imqabba tmur lura sew fiż-żmien, hekk kif is-Soċjetà hija dixxendenti mill-Konfraternità tal-Immakulata Kunċizzjoni, imwaqqfa Kanonikament ġewwa l-istess raħal nhar id-29 ta’ Jannar 1772 mis-Saċerdot Bormliż Dun Giacomo Tortella.

Fil-festa tas-sena 1876, propju fil-21 ta’ Mejju, waslet ġewwa l-Imqabba il-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Ġilju, xogħol l-istatwarju mill-Isla rinomat u rispettat, is-Sur Giovanni Darmanin. Il-qasam tal-logħob tan-nar minn dejjem kien sinonimu mal-festa tal-Madonna tal-Ġilju, u propju l-ewwel riferenza dokumentata għall-piroteknika ġewwa l-Imqabba nsibuha fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-istess sena tal-miġja tal-vara.

1911 – 1945

Fiż-żmien bikri tat-twaqqif tas-Soċjetà, inbdiet ħidma intensiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-armar estern, hekk kif fil-bidu tas-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor ġie inawgurat il-pedestall magħruf tal-Vara l-Kbira, sett trofej, sett ta’ tnax-il anġlu għal mal-periferija tal-Knisja Parrokkjali, l-istatwa ta’ Malta u dik ta’ Papa Piju X fost oħrajn. Fl-istess żmien, taħt it-tmexxija tas-Sur Raymond Ellul, il-Każin mexa għall-indirizz ta’ ‘15, Pjazza tal-Knisja, l-Imqabba’, illum ippożizzjonat fl-aktar parti prominenti tal-Pjazza ewlenija Mqabbija.

Mingħajr ebda dubju, l-Imqabba ma skappatx il-ħerba li ġabet magħha it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn saħansitra fl-attakk tad-9 t’April 1942, il-koppla tal-Knisja Parrokkjali u l-Kappellun tal-Immakulata Kunċizzjoni sfaw totalment meqruda. Il-vara tal-Madonna tal-Ġilju ntradmet kompletament taħt it-tifrik, iżda b’xorti tajba, sofriet biss ħsarat żgħar. Ma’ tmiem il-gwerra l-attivita’ soċjali fl-Imqabba reġgħet qabdet tiffjorixxi, u s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju reġgħet qamet fuq saqajha u mexxiet bl-eżempju. L-ewwel żvilupp kien il-bidu tat-tagħlim mużikali fi ħdan Każin tal-Banda Mqabbi, li malajr irriżulta fit-twaqqif tal-Banda Lily bħala l-ewwel Banda Mqabbija taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Darmanin. L-ewwel eżebizzjoni mużikali tagħha propju saret nhar id-9 ta’ Diċembru 1945, fl-okkażjoni tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

1945 – 2000

Proġett ieħor notevoli li nibet wara t-twaqqif ta’ dil-ewwel Banda fl-Imqabba, illum magħrufa il-Banda Madonna tal-Ġilju, kien it-tlestija tal-faċċata tal-Każin fis-sena 1948, li sal-lum il-ġurnata tibqa’ ssaħħar lil kull viżitatur tar-raħal bil-ġmiel intrikat tagħha. Fl-2008, din ġiet irrestawrata għall-ġmiel barokk oriġinali tagħha minn idejn Imqabbin.

Fis-snin sittin, twaqqfet kumpanija teatrali fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju bl-isem The Golden Lilies li bis-serati kostanti u oriġinali tagħha tibqa’ mfakkra sal-lum il-ġurnata bħala omm l-arti teatrali fl-Imqabba.

Fis-snin tmenin, il-Banda, taħt it-tmexxija tas-Surmast Imqabbi Mro. Joseph Tonna, rat numru kbir ta’ bandisti żgħażagħ jingħaqdu magħha. Fl-1986 saru festi speċjali fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà, fejn ġie inawgurat il-frontispizju artistiku tal-faċċata tal-Każin ma’ bandiera ġdida u estensjoni tas-Sede tas-Soċjetà. Sa tmiem dan id-deċennju, is-Soċjetà ġiet onorata għal diversi drabi bl-ewwel premju fil-kompetizzjoni tat-tiżjin tal-faċċati tal-każini fil-Milied.

Is-snin disgħin raw il-bidu ta’ riforma sħiħa fl-istrutturi kollha li minnhom hija magħmula s-Soċjetà. Fl-1993 twaqfet l-ewwel Sezzjoni Żgħażagħ fl-Imqabba, għaqda mexxejja li għada tiġġeded sal-preżent u nifs ġdid għall-komunità Mqabbija, li għal snin twal tellgħet diversi attivitajiet teatrali, tribut għall-The Golden Lilies, filwaqt li kienet pijuniera permezz tal-ewwel marċi organizzati u wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li qatt ospità r-raħal tal-Imqabba. Fil-qasam tal-armar inbdiet ħidma intensiva fuq diversi proġetti għall-pjazza u t-toroq Imqabbin, filwaqt li l-qasam tal-manifattura tan-nar laħaq il-quċċata tiegħu kemm bħala kwantita’ u kif ukoll kwalita’, b’mod speċjali permezz ta’ innovazzjonijiet bħall-ispettakli pirotekniċi ta’ lejlet il-festa.

2000 –

Is-snin elfejn kienu u għadhom żmien ta’ modernizzar qalb deċiżjonijiet kruċjali għas-Soċjetà. Bl-inawgurazzjoni tal-ewwel u l-uniku stazzjon tar-radju komunitarju TalGilju FM 95.4 fl-2007, l-Imqabba osservat proġett ferm ambizzjuż bi trasmissjonijiet biannwali fil-festi tal-Madonna tal-Ġilju u tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fl-2008 l-Għaqda Nar Madonna tal-Ġilju ġiet premjata rebbieħa assoluta tal-Festival Nazzjonali tal-logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat u fl-istess sena twaqqaf l-ewwel Junior Club fi ħdan Każin tal-Banda ġewwa l-Imqabba. Ftit żmien wara r-restawr tal-faċċata ta’ Palazz il-Ġilju, ġie mniedi l-proġett kolossali tal-bini mill-ġdid tas-Sede tas-Soċjetà. Riċentement ġie stabbilit kuntatt ma’ diversi postijiet barra minn xtutna fejn tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Ġilju; ewlieni fost dawn huwa l-villaġġ Taljan ta’ Anticoli Corrado fil-provinċja ta’ Ruma.

B’mod notevoli, is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju ċċelebrat l-ewwel ċentinarju tagħha fl-2011, u naturalment saru bosta attivitajiet fuq skala nazzjonali sabiex jimmarkaw dal-anniversarju ta’ prestiġju, ewliena fosthom kienu seminar nazzjonali dwar il-kultura u l-identità tal-festi Maltin u Akkademja Mużiko-Letterarja kommemorattiva fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Fl-istess sena, propju f’lejlet il-festa, l-Għaqda Nar Madonna tal-Ġilju naqxet isimha fil-Guinness Book of World Records permezz tal-ħruq tal-akbar raddiena fid-dinja; unur ħajr il-ħila Mqabbija u Maltija li għadu sal-lum il-ġurnata mhux sfidat u, wisq anqas, issuperat.

Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet speċjali li jfakkru l-75 sena mit-twaqqif tal-Banda Madonna tal-Ġilju bħala l-ewwel Banda fl-Imqabba, ġiet irrestawrata statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li tħaddan is-Soċjetà, xogħol fl-injam tas-Seklu Sbatax. L-inawgurazzjoni saret propju nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019, lejlet is-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, waqt kunċert vokali u strumentali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-Gran Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.

L-ISTAT ATTWALI

B’mod partikolari mis-sena 2012 ‘il quddiem, bdiet ħidma intensiva akkademika frott il-kisba ta’ skemi ta’ fondi li qanqlu diversi proġetti kulturali fi ħdan is-Soċjetà. L-involviment taż-żgħażagħ żvela lilu nniffsu bħala sosten essenzjali permezz ta’ wirjiet artistiċi u teatrali staġonali innovattivi, marċi organizzati dejjem aktar sensazzjonali u spettakolari, u t-trasformazzjoni tas-Sede f’Kulleġġ Lokali b’sensiela kontinwa ta’ programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali f’forom ta’ mużika, kummerċ, snajja, teknoloġija u servizz.

Fl-isfond tal-attività soċjali, issokta u għadu għaddej ġmielu l-proġett strateġiku tar-rikostruzzjoni tal-każin bit-tlestija tal-intrata, il-bottegin u xi swali attrezzati qalb l-erba’ sulari tiegħu, filwaqt li ġew inawgurati wkoll recording studios professjonali u lift li b’mod speċjali kien intenzjonat li jagħti aċċess komplut lil persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Fergħat tas-SOĊJETÀ

NAR NAR

ARMAR ARMAR

LILY YOUTHS

LILY JUNIORS

SOCIAL

SPORTS

FRATELLANZA

BOTTEGIN