Emmanuel Ellul
Eżatt wara l-gwerra t-tmexxija tas-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju għaddiet f’idejn is-Sur Emanuel Ellul magħruf bħala ‘l-Pakter’. Ellul kien l-organista tal-knisja parrokkjali tal-Imqabba u jieħu wkoll ħsieb it-tfal tal-kor tal-istess parroċċa. Kien hu li fis-sena 1944 beda jgħallem xi tfal sabiex iwaqqaf orkestra, idea li wara nbidlet minn Mro J. M. Bilocca għal dik ta’ banda. Ellul kien dilettant kbir tal-kultura Taljana u kien anke jarma pjanu fuq vettura u jdur mal-lokalita jdoqq f’attivitajiet partikolari.
Matul il-presidenza tiegħu il-każin waqqaf il-banda Lily u kien propju hu li fid-9 ta’ Diċembru 1945 ippresieda l-ewwel programm mużikali mill-istess banda diretta minn Mro Joseph Darmanin ġewwa l-pjazza tar-raħal. Hu kien imidd idejh ukoll biex jikkomponi xi xogħolijiet mużikali u fost il-kompożizzjonijiet mill-pinna ta’ Emanuel Ellul insibu marcia s-sinfonia ‘Giglio tra le Spine’. Fost il-marċi miktuba minnhu nsibu Festival, Blue March u Lily March. Kiteb xi xogħolijiet għal vuċijiet fil-knisja u fosthom insibu r-Responsorju ‘Una Ora’.
Kien ukoll taħt il-presidenza tiegħu li l-każin xtara d-dar fil-pjazza mingħand Innoċenzu Ghigo, għal liema xiri ġew mislufa Lm700 mingħand l-istess partitarji, somma mhux żgħira għal dak iż-żmien.