Joseph A Zammit
L-iżgħar minn fost erba’ aħwa, Joseph Zammit huwa iben l-artist Imqabbi Rosario u martu Ophelia, u Imqabbi sa mit-twelid. Dilettant u partitarju tal-festa sa minn ċkunitu, Joseph illum għandu 31 sena u appoġġat mill-maħbuba tiegħu Roxanne.
Wara li gradwa bħala edukatur fuq id-Disinn u t-Teknoloġija mill-Università ta’ Malta u espanda l-istudji tiegħu fuq is-Suq Diġitali u l-Informatika, Joseph preżentament jokkupa l-impjieg ta’ lettur fuq id-Disinn fl-Inġinerija u l-Kommunikazzjoni Grafika.
Joseph ilu membru attiv fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju sa mit-twaqqif tal-ewwel u l-uniku stazzjon tar-radju ġewwa l-Imqabba, TalĠilju FM, fl-2007. Beda l-impenn volontarju tiegħu flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv preżenti, Julian Falzon, wara li ġie avviċinat mill-bħalissa Kunsillier Jonathan Dingli u l-Kumitat Amministrattiv sabiex jidderieġi l-istazzjon ma’ Julian sal- 2013. Bħala disinjatur, huwa ġie avviċinat diversi drabi għal xogħol fuq disinni kommemorattivi u proġetti awdjo-viżwali tas-Soċjetà.
Fi ħdan is-Sezzjoni Żgħażagħ, bejn l-2008 u l-2018 Joseph serva l-karigi ta’ Uffiċċjal fuq Relazzjonijiet Pubbliċi, Viċi-Chairperson, Segretarju u notevolment, Chairperson mill-2014 sal- 2018. Flimkien ma’ sħabu l-membri tal-għaqda għaqlija msemmija, huwa mexxa diversi proġetti ta’ fondi lokali u Ewropej li għenew b’mod sostanzjali il-proġett ta’ rikostruzzjoni tal-każin. Joseph hekk se jkun l-ewwel President tas-Soċjetà frott l-ewwel Sezzjoni Żgħażagħ Imqabbija.