Paulo Caruana

Paolo Caruana magħruf twieled fis-16 ta’ Awissu 1867 iben Giuseppe u Gabriella née Ellul. L-ismijiet l-oħra mogħtija kienu Paulo, Vincenzo u Emanuel. Tgħammed mill-kappillan ta’ dak iż-żmien Franġisku Vella. Il-ġenituri tiegħu li kellhom il-laqam “ta’ l-Ave Maria” kienu tat-tajjeb bin-negozju tal-bhejjem. Insibu li anke kienu benefatturi tal-knisja parrokkjali tal-Imqabba u li fl-1913 ħallsu għall-irħam tal-altar tal-Viżitazzjoni ġewwa l-knisja.
Pawlu Caruana kien jinteressa ruħu fil-politika u ma kienx jara għajn ma’ għajn ma’ Dun Alfons, il-patri Franġiskan li qaleb qassis u sar ukoll Kunsillier tal-Gvern wara l-elezzjonijiet ġenerali. Pawlu mexxa kampanja qalila kontra l-proġett infrastrutturali li għamel Dun Alfons fuq il-Mentna. Is-Sur Pawl sostna li dan il-proġett kien wieħed egojistiku ta’ Dun Alfons biex imur hu u xi erba’ minn sħabu jpejjpu l-pipa fih. Tajjeb wieħed jgħid li dan il-post kien dominat minn l-istatwa tal-ġebel ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni kif ukoll salib tal-ħaġar li jfakkru t-twaqqif tal-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni fl-1772 u l-aggregazzjoni tagħha ma’ dik ta’ San Lorenzo in Damaso fl-Italja fl-1775. Il-mossa ta’ Dun Alfons dehret bħala “insolenza” għall-poplu Mqabbi u tal-Qrendi minħabba li “irrendeulna il Mentna, minn loc tad-devozioni, fi piazza”. Is-saħħa li kellu Dun Alfons wasslet sabiex tgħaddi ta’ rasu, u mhux biss, iżda anke jsemmi l-istess pjazza bħala ‘Piazza Gubleo Diamante’.
It-tradizzjoni tgħid li Pawlu Caruana kien il-President tal-Casino San Giuseppe u anke tal-Każin Soċjali Santa Marija, u l-persuna li wara li rreżenja mit-tmexxija ta’ dan il-każin fetaħ iċ-Circolo Pio X. B’hekk is-Soċjetà bdiet fuq bażi soda, kemm mill-aspett finanzjarju kif ukoll mill-aspett ta’ tmexxija li għalija Caruana kien magħruf kemm f’Malta kif ukoll fit-Tuneżija.