Thaddeus Farrugia
Teddy Farrugia huwa iben Innocenzo u Agnes Farrugia u twieled fit-18 ta’ Marzu 1959. Ġej minn familja attiva ferm favur il-festa tal-Madonna tal-Ġilju u missieru kien kemm fratell kif ukoll wieħed mill-attivisti tan-nar prinċipali. Teddy ħa t-tmexxija tas-Soċjetà ta’ eta’ żgħira u fl-1984 u sa issa ilu 27 sena fit-tmexxija. Dan jagħmlu l-aktar persuna li żamm din il-kariga fit-tul.
Matul dawn is-27 sena s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju inbidlet maż-żminijiet. Teddy daħal fil-kumitat fl-1978 u wara sitt snin inħatar President. L-ewwel sfida kienu l-festi tal-75 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà li saru bil-pompa kollha. Immedjetament wasal il-premju tat-tiżjin tal-faċċata fil-Milied u t-twaqqif ta’ l-ewwel sezzjoni żgħażagħ fl-1993. Fl-istess ħin sar ix-xogħol fuq il-planċier il-ġdid u l-bandalora u d-diversi impenji tal-banda barra minn xtutna. Fl-istess sena s-Soċjetà ippubblikat l-istorja tal-każin u l-banda u tellgħet programm mużikali fl-Universita’ ta’ Malta. Minbarra li l-banda marret iddoqq diversi drabi barra minn Malta, inġabu wkoll baned barranin fil-festa tal-Ġilju. Innovita oħra kienet l-ewwel akkademja mużikali fil-knisja mill-banda Madonna tal-Ġilju f’Diċembru 1997 fl-okkażjoni tal-225 sena mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni. Dan kien wieħed mill-avvenimenti b’xeħta kulturali, li mbagħad tkompla b’seminar marjoloġiku fl-2004 fl-okkażjoni tal-150 sena mid-definizzjoni tad-Domma.
Tul dawn is-snin kien hemm aġġornamenti u riformi kbar b’tibdil fl-istatut, twaqqif ta’ sezzjonijiet diversi, rebħ ta’ diversi unuri u anke l-ftuħ tar-radju tal-komunità. Kien hemm ukoll leġislatura tal-Kunsill Lokali li fiha Teddy irrapreżenta lis-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju wara vot popolari qawwi favur tiegħu. Mument emozzjonali għall-President tas-Soċjetà kienet l-udjenza mal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Diċembru 2000 ġewwa l-Vatikan.
Fost l-proġetti ta’ dawn l-aħħar snin kien hemm il-ftuħ tar-radju Tal-Ġilju FM, ir-rebħ tal-Festival nazzjonali tan-nar tal-art, u r-restawr tal-faċċata. L-aktar proġett reċenti u forsi l-akbar proġett imniedi s’issa taħt il-presidenza tas-Sur Teddy Farrugia hu t-twaqqih u l-bini mill-ġdid tal-każin.
Teddy hu miżżewweġ lil Julie u għandu żewġ ulied Julie u Christianne.