Mro Joseph Darmanin

Mro. Joseph Darmanin, A. Mus. L.C.M., twieled nhar id-29 t’April 1918. Minn età bikrija ħa interess kbir fil-mużika. Fil-fatt meta kellu 13-il sena, beda jitgħallem il-klarinett mal-Banda Stella Maris Ta’ Sliema li dak iż-żmien, kienet immexxija minn missieru, Mro. Anthony (Antonio) Darmanin. Ma kienx biss ħerqan biex jimxi fil-passi ta’ missieru fil-qasam tal-mużika għaliex Joseph ingħaqad mal-armata Ingliża bħalma kien għamel missieru fl-1905. Fl-1935, ta’ madwar 18-il sena, Darmanin ingħaqad mar-Royal Engineers iżda baqa’ jistudja t-teorija tal-mużika u kellu suċċess fl-eżamijiet tar-Royal Music School f’Londra.
Fl-1937, fl-età ta’ 19-il sena, Darmanin iżżewweġ lil Phylis (née Sammut) u meta fl-1940 l-Italja ssieħbet fit-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1941 laħaq Surġent fi ħdan ir-Royal Malta Artillery.
Wara l-gwerra, Darmanin kompla javvanza fl-istudju mużikali u fl-1947 ġab id-Diploma ta’ Associate in Music mill-Kulleġġ tal-Mużika f’Londra. Waqt l-istudji tiegħu u f’perjodu ta’ ftit xhur, Darmanin irċieva tnejn mill-akbar unuri tiegħu. Fl-1945 ġie avviċinat biex jibda jmexxi l-Banda Stella Maris li kien idoqq magħha minn meta kien għadu żagħżugħ. Ftit wara, ġie mistieden biex isir Surmast tal-Banda Madonna tal-Ġilju.
B’kollox, Mro. Darmanin dam 19-il sena jidderieġi ż-żewġ baned u rreżenja mill-pożizzjoni tiegħu fl-1964 meta emigra lejn l-Awstralja mal-familja tiegħu. Bejn l-1952 u l-1955 kien Surmast tal-Banda San Nikola fis-Siġġiewi. Fl-1960, mil-lat Militari, Mro.. Darmanin sar Warrant Officer 2nd Class.
Fl-Awstralja, Darmanin ingħaqad mar-Royal NSW Regiment bħala Surmast tar-riġment tal-inftanterija. L-arċipriet tal-Knisja Parrokjali tal-Madonna Reġina tal-Paċi fi Greystanes, il-Wisq Reverendu Dun Ronald Darmenia, avviċina lil Mro.. Darmanin u esprima x-xewqa li jiffurmaw Banda tradizzjonali Maltija. Minnufih, Mro. Darmanin ġabar xi mużiċisti ta’ dixxendenza Maltija mill-akwati u l-grupp kellu l-ewwel laqgħa ta’ prattika fi Frar tal-1976.
Minkejja li Mro. Darmanin emigra lejn l-Awstralja, hu baqa’ rispetat u magħruf f’pajjiżu. Fil-fatt, meta rritorna Malta kien trattat ta’ dinjitarju mill-baned li kien idderieġa u ngħata l-opportunità li jidderieġi dawn il-baned fil-festi tagħhom.
L-aktar marċ popolari miktub minn Mro. Darmanin huwa Tal-Kbar u għadu magħruf sew madwar Malta. Mro. Darmanin serva għal 26 sena bħala Surmast tal-Banda tagħna sakemm fl-2002 huwa rtira mill-pożizzjoni tiegħu. Fl-okkażjoni ta’ 30 sena anniversarju, fi Frar tal-2006, il-Banda organizzat kunċert speċjali fir-residenza tal-anzjani fejn Mro. Darmanin kien qed joqgħod. Dakinhar ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva tas-servizz u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-Banda.
Mro. Joseph Darmanin ħalla din id-dinja f’Settembru tal-2006 fl-età ta’ 88 sena. Sena wara mewtu, din il-Banda organizzat kunċert fi Blacktown, fiċ-ċentru soċjali La Valette biex tiġi mfakkra l-memorja tiegħu u bħala rikonoxximent ta’ xogħlu kemm fl-Awstralja kif ukoll f’Malta.