Il-Festa tal-1986 kienet waħda b’sinifikat speċjali: il-75 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà. Il-Kumitat ta’ dak iż-żmien organizza attivitajiet speċjali biex dan l-anniversarju jiġi ċċelebrat b’mod speċjali.

It-Tnejn 16 ta’ Ġunju ġew inawgurati l-festi bit-tberik ta’ statwa ġdida għall-Kappella tal-Każin, frontispizju ġdid u bandiera ġdida biex iżejnu l-faċċata tal-Każin. L-istatwa l-ġdida ġiet imnaqqxa minn Girolamo Dingli u mogħtija minn Joseph, George u Nicholas Dingli. Segwa marċ mill-Banda Ġilju taħt id-direzzjoni ta’ Mro Julio Tanti. Il-frontispizju kien sponsorjat mill-partitarja Ms Guza Bondin filwaqt li d-disinn u x-xogħol tiegħu kien mill-artist lokali s-Sur Rosario Zammit. Is-Sur Zammit kien inkarigat mill-bandiera l-ġdida, donazzjoni tal-President tas-Soċjetà s-Sur Teddy Farrugia.

Il-quċċata taċ-ċelebrazzjonijiet intlaħqet nhar l-Erbgħa 18 ta’ Ġunju waqt kunċert vokali u strumentali mill-Banda Ġilju fi Pjazza tal-Knisja taħt il-patroċinju distint tas-Sinjura Agatha Barbara, President tar-Repubblika, segwita bl-inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-Każin mill-President. tar-Repubblika u mbierka mill-Vigarju Ġenerali Mons Carmelo Xuereb.