Il-Banda Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba: Twaqqif, Ħidma u Kommemorazzjoni

kitba ta’ Dr Charles J. Farrugia Ph.D(Aber)

L-Ewwel Programm mill-Banda Lily

Il-Banda Lily tat l-ewwel Programm Mużikali tagħha ġewwa l-Pjazza tal-Knisja, nhar il-Ħadd, 9 ta’ Diċembru 1945, fl-4.30pm.  B’hekk saret l-ewwel banda Mqabbija.  Il-programm li ndaqq kien:

Marcia SinfonicaPOLIOREAAnt. Darmanin
IntermezzoVISIONEBartolucci
SelectionTRAVIATAVerdi
SinfoniaNORMABellini
IntermezzoCAVALLERIAMascagni
SelectionTANHAUSERWagner
InnuLILY BANDDarmanin
InnuMALTI
InnuGOD SAVE

Dan l-ewwel servizz mill-Banda Lily intlaqa’ tajjeb ħafna, kemm minħabba li kienet ħaġa ġdida kif ukoll għal-livell għoli li ntlaħaq.  Raġuni oħra kienet li f’dan l-ewwel programm kien hemm kwartett ta’ solisti Mqabbin li taw dehra tajba.  Dawn kienu Wistin Gauci (Ewfonju), Ġilju Tanti (Kwartin), Joseph Tonna (Althorn) u Harry Galan (Kurunetta).  Kull min hu intiż fil-mużika jaf xi tfisser li tagħmel is-solijiet wara biss ftit aktar minn sena u nofs minn meta tibda titgħallem.[16]

Għal din l-okkażjoni saru żewġ diskorsi qosra iżda b’sinifikat speċjali.  L-ewwel diskors kien dak tal-President tas-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju, is-Sur Emmanuel Ellul u li kien jgħid hekk:

“Surmast, jiena l-President tal-Lily Band Club, Imqabba għan-nom tal-Kumitat, Membri, bandisti u benefatturi kollha tal-istess Każin, se noffrilek dan il-bukkett fjuri biex permezz tiegħu aħna nuruk kemm aħna ninsabu grati lejk talli l-ewwelnett bl-għajnuna t’Alla mbagħad bil-ħidma tiegħek, bl-għajnuna tal-Kumitat, tal-membri, il-bandisti u l-benefatturi tal-Lily Band Club, irnexxielek tgħaqqad din il-Banda li llum għall-ewwel darba qiegħda tidher fil-pubbliku, li allavolja kienet tidher ħaġa kważi impossibbli, iżda rnexxielna nagħmluha possibbli u llum kif kulħadd qed jara b’għajnejh u jisma’ b’widnejh, li l-Każin tal-Ġilju jista’ jgħid li għandu banda.”

Bħala tweġiba Mro. Joseph Darmanin għamel dawn il-kelmtejn ta’ ringrazzjament:

“Sur President, jiena bil-qalb kollha naċċetta dan il-bukkett fjuri, u minn qiegħ qalbi nirringrazzja lis-Soċjetà u l-benefatturi kollha tal-Lily Band Club tal-Imqabba, talli għenuni ngħaqqad din il-banda li ‘l quddiem bil-għajnuna t’Alla beħsiebni aktar inkompli ngħaqqad.”

L-Ewwel Festa bis-Sehem Sħiħ tal-Banda

Peress li l-ewwel servizz tal-Banda Lily kien għall-okkażjoni tal-festa tal-Kunċizzjoni tal-1945, il-festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-1946 kellha tkun l-ewwel festa bis-sehem sħiħ tal-Banda Lily.  Nhar it-8 ta’ Mejju 1946 sar Programm Mużikali fil-pjazza tal-Knisja li kien jikkonsisti f’dawn il-partijiet:

INNO PONTIFICIO

Marcia Sinfonica         AROMA               J. Darmanin

Overture                    SEMIRAMIDE       G. Rossini

Variazione per Euphorio EUGENIA             J. Darmanin

Fantasia                     LA BOHEME        G. Puccini

Fantasia                     IL GUARANY        A Gomez

Kienet ukoll il-festa li fiha sar l-ewwel marċ ta’ nofsinhar.  Fin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ta’ dettalji dwar din l-okkażjoni, wieħed ma jistax ma jagħtix widen għal dak li jiftakru l-anzjani tagħna.  Ħaġa impressjonanti kienet in-numru kbir ta’ nisa u tfal li attendew u forsi aktar impressjonanti kien l-ammont kbir ta’ sfafar li ħarqu dawn l-istess nisa speċjalment fit-Triq tan-Nofs.  Jidher li l-entużjażmu kien ħarab xi daqsxejn b’dawk preżenti.   Kienet l-ewwel esperjenza ta’ marċ ta’ filgħodu fir-raħal tagħna u għalhekk wieħed ma jistagħġibx li l-ferħ ta’ dawk li ħadu sehem kien tant kbir.

Il-Banda Tikber u Tissaħħaħ

Il-progress fil-banda ma kienx biss frott il-furja tal-bidu iżda kompla fis-snin ta’ wara.  Dan jidher ċar mill-fatt li kien biss tmien xhur wara l-ewwel Programm Mużikali li l-Banda Lily ħarġet iddoqq barra mir-raħal tagħna.  Dan seħħ fit-18 ta’ Awwissu 1946, għall-okkażjoni tal-festa ta’ Stella Maris ġewwa Tas-Sliema.  Dan il-pass kien ta’ sodisfazzjon kbir għal dawk kollha li riedu jaraw din il-ħolma titwettaq fosthom l-istess Surmast Darmanin.  F’ittra li bagħat l-għada ta’ dan l-avveniment, is-Surmast Darmanin feraħ lill-bandisti għas-suċċess miksub.  Bħala rikonoxximent il-Każin ta’ Stella Maris irregala tazza lill-Banda Lily.  Minn hawn ‘il quddiem, il-Banda Lily ma baqgħetx ristretta u magħluqa ġewwa l-Imqabba iżda bdiet tieħu isem barra mil-lokal.  Fil-fatt fl-1947 il-Banda Lily tat servizz fil-festa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi.

Fl-ewwel sena tagħha l-Banda ma kienx għad għandha planċier fuqiex iddoqq.  Dan kien jiġi misluf mis-Soċjetà ta’ Stella Maris ta’ Tas-Sliema. Il-planċier inħadem fl-1946 mis-Sur Mike Barbara (ta’ Żagrag), li kien benefattur u attivist kbir tal-Banda Lily.  Huwa kien ukoll membru fil-Kunsill tal-Malta Band Clubs’ Association fl-1950 u l-1951. Minħabba l-ispejjeż involuti l-leġiji saru wara.  Injam biss il-planċier qam Lm40 filwaqt li f’Ottubru 1946 saru 18-il leġiju li qamu Lm27 u t-tnax l-oħra tlestew f’Mejju 1947.

L-Għaqda Każini tal-Banda

F’Settembru 1947, il-Kavallier Mikielanġ Delia, dak iż-żmien membru tal-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika San Giuseppe tal-Ħamrun, ressaq proposta lill-għaqdiet tal-baned sabiex isejjaħ laqgħa tar-rappreżentanti tal-Każini tal-Baned ta’ Malta u Għawdex.  Minn hawn u fi ħdan il-Filarmonika twieldet il-Malta Band Clubs’ Association.

L-ewwel laqgħa saret fis-16 ta’ Settembru 1947, fil-Każin tas-Soċjetà Filarmonika San Giuseppe l-Ħamrun.  Kien żmien meta l-baned Maltin kienu qed jiffaċċjaw problema.  Il-ħerba tal-gwerra kienet għadha tinħass kullimkien.  L-iskop ewlieni tal-Malta Band Clubs’ Assocation kien propju li tgħin lill-Baned jegħlbu l-problemi tagħhom permezz ta’ aktar għaqda u konformità.  Fl-ewwel laqgħa ġenerali nħatret Kummissjoni magħmula minn Dr V Frendo LL.D., Dr J Micali LL.D., Mikiel Ang. Delia, F. Azzopardi, C. Borg, C. Dimech, J. Ciappara, A. Micallef u A.E. Scicluna.

L-ewwel ħidma kienet il-formulazzjoni ta’ Statut għal din l-għaqda ġdida. Fil-fatt kopja ta’ dan l-iStatut ġiet mibgħuta lil kull Każin tal-Banda li ntalbu jaħtru żewġ rappreżentanti sabiex ikunu jistgħu jitkellmu f’isem il-Każini.

75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.