Il-Banda Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba: Twaqqif, Ħidma u Kommemorazzjoni

kitba ta’ Dr Charles J. Farrugia Ph.D(Aber)

In-Numru tal-Bandisti Joktor

In-numru tal-bandisti fi ħdan il-Banda Lily beda jiżdied.  Inħolqot skema biex min ried jixtri strument seta’ jagħmel dan bin-nifs.  Il-Każin ħa ħsieb ukoll li jixtri xi strumenti sabiex bihom jinqdew dawk li ma setgħux jixtru strument tagħhom. Fl-ewwel għaxar snin tal-ħidma tagħha l-Banda Lily kellha dawn il-bandisti:

John FarrugiaKurunetta
Harry GalanKurunetta
Mikiel ZammitKurunetta
Sieru BondinKurunetta
Żaren FarrugiaKurunetta
Manwel BarbaraKurunetta
Ġamri SpiteriFlawt
Ġilju TantiKwartin
Ġanni BusuttilKornu
Pietru GhigoKornu
Ġeraldu FarrugiaKornu
Nenu BarbaraKornu
Ġakbu BarbaraKlarinett
Mikiel TantiKlarinett
Karmnu CamilleriKlarinett
Żeppi FarrugiaKlarinett
Rużar ZammitKlarinett
Żeppi PsailaKlarinett
Karmnu FarrugiaKlarinett
Toni BaldacchinoKlarinett
Karmnu XuerebKlarinett
Ġamri FarrugiaKlarinett
Żaren AttardTrumbun
Paċik GhigoTrumbun
Ġorġ GhigoTrumbun
Wistin GauciEwfonju
Ġelard AbdillaEwfonju
Angelo FarrugiaAlthorn
Joseph TonnaAlthorn
Ġużi BarbaraAlthorn
John BuhagiarAlthorn
Ċikku TaboneAlthorn
Ċensu FarrugiaBaxx
Twanny SammutSax Alto
Salvu MangionSax Alto
Grezzju EbejerKatuba
Ġilju BarbaraTamborlin
Twannu GalanTamborlin
Lonzu AbdillaPiatti
Peter FarrugiaPiatti

Il-ħeġġa taż-żgħażagħ kienet bżonnjuża u daqshekk kienet bżonnjuża l-ħeġġa ta’ Mro. Darmanin li qatt ma naqset. Mro. Darmanin kien ukoll bniedem kreattiv.

Fost il-proposti tiegħu nsibu dik sabiex tindaqq Fanfara mill-Każin waqt purċissjonijiet ta’ ċerta importanza ġewwa l-Imqabba.  F’ittra li l-Kappillan tal-Imqabba Dun Gerard Mangion bagħat lil Mro. Darmanin fis-26 ta’ Mejju 1948, hu infurmah li l-Fanfara kellha tindaqq waqt li l-purċissjoni tgħaddi minn quddiem il-Każin tal-Ġilju u waqt il-Barka Sagramentali fil-knisja.  Il-festi kienu Korpus Kristi, il-Qalb ta’ Ġesù, Festa tal-Isem Imqaddes t’Alla, u fl-aħħar ġurnata tal-Kwaranturi.  Dun Gerard spiċċa l-ittra tiegħu billi rringrazzja lis-Surmast Darmanin mhux biss għall-ħidma tiegħu iżda wkoll ‘tas-suġġeriment sabiħ.’

Aktar Servizzi mill-Banda Lily

Wieħed mill-fatturi interessanti fl-ewwel snin tal-ħajja tal-Banda Lily kien illi l-banda saret mezz ta’ kultura ġewwa r-raħal u mhux biss banda b’servizzi fil-festa.  Dan seħħ permezz ta’ servizzi matul is-sena fosthom il-programm tal-Banka tal-Lottu, il-Programm ta’ Ħadd il-Palm, u impenji oħra waqt fieri li kienu jiġu organizzati mis-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju u li tant kienu mfittxija min-nies.

Fl-1 ta’ Frar 1949 sar Programm Mużikali fil-pjazza tal-Knisja, mill-5.00pm ‘l quddiem taħt it-tmexxija ta’ Mro. Darmanin.  Il-Programm kien jikkonsisti f’dawn ix-xogħolijiet:

Innu                              PONTIFIKU

Marcia Sinfonica            RICHARD I COEUR DE LEON                               J. Darmanin

Unfinished Symphony    F. Schubert

Fantasia                        RIGOLETTO                                                      G. Verdi

Marcia Sinfonica            SEMPRE VIVA                                                   D’Agostino

Fantasia                        UN BALLO IN MASCHERA                                  G. Verdi

Innu                              AVE MARIA

Innu                              BANDA LILY

Innu                              MALTI

Innu                              GOD SAVE THE KING

Għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll preżenti mużiċista Taljan li kien ġie Malta sabiex jinstalla l-orgni l-ġdid tal-Knisja Parrokkjali.  Dan il-mużiċista kien ferm impressjonat bil-livell li ntlaħaq f’dan il-programm mużikali mill-Banda Lily.

L-Ewwel Standardi għall-Banda Lily

Mal-medda tas-snin il-Banda Lily bdiet tibni arkivju mużikali tagħha kif ukoll strumentatura adattata.  Il-benefatturi ma naqsux milli joffru għajnuna lill-banda.  Fl-1948 ġew imżanżna sitt standardi ġodda sabiex isebbħu d-dehra tal-Banda Lily fit-toroq.

L-istandardi regalati f’dik is-sena kienu:

  • Standard tal-Banda Lily irregalat minn Innocent Ghigo
  • Standard Ingliż irregalat minn Joseph Magri
  • Standard Amerikan irregalat minn Carmelo Magri
  • Standard Malti irregalat minn Joseph Zarb u Salvu Facciol
  • Standard tal-Papa rregalat mis-Soċji
  • Standard Irjali irregalat minn Ċensu Camilleri

Mro. Darmanin tħabat sabiex jikseb il-partituri tal-innijiet nazzjonali ta’ pajjiżi differenti sabiex ikun jista’ jdoqqhom fl-inawgurazzjoni ta’ kull standard.  Sar marċ mill-Banda Lily u l-istandardi nħarġu mid-djar rispettivi tal-benefatturi tagħhom.  Ħdejn kull dar indaqq l-innu tal-pajjiż rappreżentat bl-istandard.

Rigward l-istandard Irjali nqalgħu xi problemi fuq kemm dan seta’ jsir skont ir-regolamenti dwar emblemi Irjali. Lucrezio Zammit kien irrakkuntali dwar li Antonia, il-mara ta’ Ċensu Camilleri li ħallas dan l-istandard, kienet marret għand il-Prinċipessa Eliżabetta li dak iż-żmien kienet toqgħod fi Gwardamangia sabiex issolvi din il-kwistjoni u dan l-istess standard dam snin ma joħroġ minħabba dawn il-problemi.

Sabiex jieħu parir dwar dan il-każ, il-kaxxier tas-Soċjetà s-Sur Anthony Ghigo kiteb lis-Segretarju tal-Każin Duke of Edinburgh tal-Birgu.  Dan tal-aħħar kiteb lura u qallu “naħseb li aħjar tilagħbuha tal-boloh imbagħad jekk jinqala’ xi trouble ċappsuh b’xi ħaġa.”  Kien qed jirreferi għall-istandard Irjali.  Tidher li din ukoll kienet drawwa komuni, li l-ewwel tgħaddas rasek u wara tipprova tirranġa.

Matul din is-sena Mro. Darmanin kien qed jaħdem ukoll fuq il-kompożizzjoni tal-Innu lill-Madonna tal-Ġilju.  Wara li avviċina lil Dun Frans Camilleri li kiteb il-lirika, Darmanin ikkompona l-Innu li llum hu tant għażiż fost il-partitarji tal-Madonna tal-Ġilju.

F’dan il-perjodu l-fieri kienu mezz ta’ divertiment kif ukoll ta’ ġbir ta’ flus.  Bit-twaqqif tal-Banda żdied aktar dan l-iskop.  Insibu, per eżempju, li fit-13 ta’ Marzu 1949 saret fiera fil-Pjazza tal-Knisja bis-sehem sħiħ tal-Banda Lily.

Għall-festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-1949 kienet mistiedna l-Banda Duke of Edinburgh tal-Birgu li tat programm mużikali nhar l-1 ta’Mejju 1949.  Il-Banda Lily tat il-kontribut tagħha permezz ta’ programm mużikali varjat nhar l-14 ta’ Mejju 1949 u li kien jinkludi dawn is-siltiet:

INNU PONTIFIKU

Innu                       LILL-MADONNA TAL-ĠILJU                                   J. Darmanin

Marcia Sinfonica     PROFETA                                                             G. Meyerbeer

Overture                LIGHT CAVALRY

  1. Suppe

March                    NOSTRA FESTA

  1. Darmanin

March                    SUPERIOR                                                           J. Darmanin

Innu                       LILY BAND                                                           J. Darmanin

INNU MALTI

GOD SAVE

Waqt dan il-programm indaqq għall-ewwel darba l-Innu “Il-Madonna tal-Ġilju” kompożizzjoni ta’ Mro. Darmanin.  B’hekk il-kor tas-Soċjetà seta’ jkanta dan l-Innu bil-Malti minflok il-kant bit-Taljan li kien jesegwixxi qabel.  Dan il-kant qabel kien isir taħt it-tmexxija tas-Surmast Farrugia miż-Żurrieq.

Għall-istess festa inħareġ sett ġdid ta’ marċi li kienu dawn:

VICTORY                                J. DARMANIN

FESTIVAL                                J. DARMANIN

FIRST OCCASION                    J. TONNA

FRANCOIS                              F. ZAMMIT

DING DONG BELLS                  J. CIAPPARA

N.N.                                       J. ABELA SCOLARO

MARIOCA                               E.CREMONA

HOMAGE TO EISENHOWER     J. BONNICI

LILY WATER                            J. TANTI

TAL-KBAR                               J. DARMANIN

BEAUTIFUL DAY                      J. CIAPPARA[43]

F’dan iż-żmien il-Banda Lily kienet qed tieħu sehem attiv ukoll fil-Malta Band Clubs’ Association.  Fost il-membri tal-Kunsill tas-Association għas-snin 1949/1951 insibu lil Michael Barbara.  Fir-rapport annwali ta’ din l-Association għas-snin 1950/51 insibu ringrazzjament għal donazzjoni ta’ Lm5 mill-Każin tal-Ġilju filwaqt li meta sar l-istandard tal-Association fl-1954 l-aċċessorji tal-fidda rregalahom is-Sur Mike Barbara tal-Lily Band tal-Imqabba.

Aktar Ħidma tal-Banda

Minħabba r-restrizzjonijiet li kien impona l-Konċilju Reġjonali tal-1935 fuq il-Festi Sekondarji, ma kienx permess li jsir Programm Mużikali ieħor fil-ġimgħa tal-festa.  Biex tinħarab din ir-regola ħafna drabi kien isir Programm Mużikali s-Sibt ta’ qabel il-festa li peress li ma jistax jitqies bħala fil-ġimgħa tal-festa, kien permess.[44]  Il-Programm tas-7 ta’ Mejju 1950 kien wieħed minn dawn il-programmi esegwiti mill-Banda Lily.  Dan il-programm kien jinkludi s-siltiet hawn taħt imsemmija:

INNU PONTIFIKU

Marcia Sinfonica UNIVERSO                   L. Ingo

Overture             LA GAZZA LADRA          G. Rossini

Pezzi Scelti          RIGOLETTO                  G. Verdi

Valse                  FIORENTINA                 J. Darmanin

Fantasia              IL GUARANY                 A. Gomez

Innu                   BANDA LILY                J. Darmanin

Innu                   MALTI/GOD SAVE[45]

Il-programm l-ieħor kien isir f’lejliet il-festa kif kienet it-tradizzjoni sa ftit snin ilu u li fih jindaqq l-Innu lill-Madonna tal-Ġilju fil-verżjoni qasira tiegħu.  Jidher li ż-żewġ programmi kienu jingħataw l-importanza tagħhom u l-programm ta’ ġimgħa qabel kien ikun programm ta’ livell u mhux sempliċiment programm ta’ mużika mexxejja.  Dan jidher ukoll mill-għażla tas-siltiet fil-programm ta’ġimgħa qabel, għażla li żgur ma tesegwix jekk mhux b’banda tajba.

Fil-programm mużikali tal-20 ta’Mejju 1950 indaqqu dawn ix-xogħlijiet:

Innu            LILL-MADONNA TAL-ĠILJU   J. Darmanin

Marcia Sinfonica  ALBA DI GLORIA         Cognato      Overture         NORMA           V. Bellini

Innu                      BANDA LILY                J. Darmanin

Innu                      MALTI

GOD SAVE[46]

Fl-istess sena s-sala tal-Banda ġewwa l-Każin iżżejnet b’sett ta’ kwadri li jirraffiguraw l-aqwa kompożituri tal-mużika klassika.  Dan is-sett ta’ pittura bil-lapes sar mis-Sur Joseph Darmanin.[47]

Il-Banda Lily fil-Festa Nazzjonali tal-Otto Settembre 1950

Nhar is-Sibt 26 ta’ Awwissu 1950 saret laqgħa bejn delegazzjoni tal-Malta Band Clubs’ Association u l-Kumitat tal-Ġilju bħala preparamenti għall-istedina sabiex il-Banda Lily iddoqq nhar it-8 ta’ Settembru, festa Nazzjonali, ġewwa l-Belt Valletta.[48]

Bħala tħejjija għal dan l-impenn il-Banda Lily għamlet diversi kunċerti fosthom tnejn ġewwa l-Iskola Primarja tal-Imqabba nhar id-29 u l-31 ta’ Awwissu.[49]  It-tħejjija kienet kbira peress li dan l-impenn kien okkażjoni tajba ferm għal din il-banda sabiex tagħmel riklam tajjeb għaliha nnifisha minħabba l-prestiġju tal-okkażjoni.  Is-Soċjetà tal-Ġilju ppreparat ukoll karru dekorat li kien jirrappreżenta l-figura ta’ Malta rebbieħa fuq l-għadu.  Il-marċ sar nhar l-Otto Settembre minn Bieb il-Belt sa Pjazza Reġina fejn sar programm mużikali u l-karru trijonfali nġarr wara l-banda fil-marċ li dam mill-5.30 sas-6.45pm.[50]

F’ittra datata 21 ta’ Settembru 1950 mis-Segretarju tal-MBCA lis-Segretarju tal-Każin tal-Ġilju, insibu dan li ġej “inkwantu għall-mod li l-Banda kienet iffurmata u diretta, nistgħu kemm skond il-pjan tagħna u dik tal-pubbliku inġenerali naffermaw, li ma setgħetx tkun aħjar milli kienet, u li tat gost lil kulħadd bil-marċi sbieħ li daqqet u iżjed bl-eżekuzzjoni tal-Programm Mużikali fi Pjazza Reġina … b’daqshekk il-Banda Lily għamlet unur lilha stess u iżjed lill-MBCA li lilha kienet qed tirrappreżenta.”  Jissemma wkoll il-karru trijonfali li kien deskritt bħala effettiv ħafna.[51]

Aktar Standardi mill-Benefatturi

Tul is-snin sittin, il-benefatturi komplew iżejnu lill-Banda Lily bl-attrezzaturi kollha neċessarji.  Wieħed ma jistax ma jsemmix lil Menu Vella li l-Banda Lily kienet il-mimmi ta’ għajnejh.  Fis-27 ta’ Mejju 1961 sar it-tberik ta’ bandalora tal-banda regalata mis-Sur Vella kif ukoll standard Awstraljan li ġie mħallas minn diversi emigranti Mqabbin fl-Awstralja.[52]

L-emigranti li kkontribwew għal dan l-istandard kienu Anthony Farrugia (tas-Susella), Carmelo u Karmena Farrugia (tal-Bekkieka), Michael Mallia (tal-Kitla), Nazzareno u Andrew Tanti (tat-Tikka), Giulio u Philip Baldacchino (ta’ Dazju), Angelo Farrugia (ta’ Karmni tal-Bonu), Pio u Carmelo Muscat (tal-Kief), Sieru Bondin (ta’ Ganga), Giulio Galea (id-Dido) u Gerald Abdilla (ta’ Għabbajjar).[53]

It-tberik ta’ dawn iż-żewġ donazzjonijiet sar mill-Kappillan tal-Parroċċa Dun Gerard Mangion.  Wara sar riċeviment tal-okkażjoni fis-sala tal-Każin.

Mro. Julio Tanti fit-Tmexxija tal-Banda

L-emigrazzjoni nistgħu ngħidu li ħalliet ġerħa fis-Soċjetà Maltija li l-effett tagħha għadu jinħass sa llum.  Din il-ġerħa kienet riflessa wkoll fuq il-Banda Lily, għaliex wara kollox, it-twaqqif tal-Banda Lily, bħal ħafna baned oħra, ma kienx ukoll espressjoni tas-Soċjetà Maltija specjalment tal-ħajja rurali f’dawk iż-żminijiet?  Kienu diversi dawk il-bandisti li ħallew xtutna.  Fl-1964 kien imiss lis-Surmast Darmanin li fil-15 ta’ April 1964 emigra lejn l-Awstralja fejn għadu jgħix sa llum.[54]  It-telfa ta’ Mro. Darmanin żgur ħalliet l-effett tagħha fuq il-Banda Lily.

It-tmexxija tal-banda għaddiet f’idejn Mro. Julio Tanti, li kien alliev ta’ Mro. Darmanin u kiseb id-diploma fil-mużika fl-1955 wara li tħarreġ minn Mro. Darmanin fit-treġija tal-banda.  Julio kien qed juri abilta mużikali u peress li kien iben partitarju tas-Soċjetà ma setax ma jagħtix kontribut kbir fit-tagħlim u t-treġija tal-Banda Lily fis-snin li hu dam imexxi.

Is-Surmast Tonna fit-Tmexxija tal-Banda

Fis-seduta tal-Kumitat tal-Ġilju ta’ nhar it-Tlieta 25 ta’ Marzu 1980 kien deċiż li għandha tkun irregolata l-pożizzjoni ta’ Mro. Joseph Tonna li kien qed jgħallem l-allievi b’ħeġġa u interess kbir fil-Banda Lily.  Għalhekk kien deċiż li wara l-festa ta’ dik is-sena jiġi diskuss il-każ ta’ Mro. Tonna bħala Surmast Direttur ġdid tal-Banda Lily.[55]

Il-ħidma ta’ Mro. Joseph Tonna A. Mus. L.C.M. bdiet tagħti l-frott.  Diversi ex-bandisti reġgħu bdew jersqu lejn il-kunċerti filwaqt li  bosta allievi ġodda bdew javvanzaw kemm fit-teorija kif ukoll fuq l-istrument.  Għall-festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-1980, Mro. Tonna ħareġ ħdax-il bandist ġdid.  Dawn il-bandisti kienu diġa jitħarrġu taħt Mro. Tonna bħala Assistent Surmast tal-banda u kien jixraq li dawn l-istess bandisti joħorġu propju fis-sena li Mro. Tonna ħa f’idejh it-treġija tal-banda.

L-istess suċċess kellu Mro. Joseph Tonna fis-sena ta’ wara, meta ħareġ grupp ikbar ta’ bandisti.  Għall-festa tal-1981 Mro. Tonna ħejja grupp ta’ tnax-il bandist ġdid.  F’dan l-istat il-banda kienet qed tgħix mument ferm tajjeb għaliex kienu jistgħu jsiru l-kunċerti bin-nies tal-lokal.

Fl-okkażjoni ta’ din il-festa nħareġ ukoll sett ta’ marċi ġodda li kienu:

MELITAAnt. Aquilina
MARIAE. Bugeja
FORZA ĊENSINAAnt. Aquilina
GOLDEN EAGLEJ. Barbara
ZORROAnt. Aquilina
MARYAMP. Schembri
ALEXANDERJos. Tonna
MARVINJos. Tonna

Dawn il-marċi kienu regalati minn dawn is-Sinjuri rispettivament: J. Abdilla, F. Ciantar u L. Magro, A. Xuereb, A. Gauci, Management tan-Nettuno Bar & Restaurant, P. Farrugia u s-Surmast Tonna stess.[56]

Għeluq il-75 sena mit-Twaqqif tas-Soċjetà

Il-festa tal-1986 kienet waħda b’sinifikat speċjali:  għeluq il-75 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju (1911-1986).  Il-Kumitat ħaseb sabiex dan l-avveniment jiġi ċċelebrat permezz ta’ attivitajiet speċjali.

Il-festi fetħu t-Tnejn 16 ta’ Ġunju bit-tberik ta’ statwa ġdida għall-kappella tal-każin, frontispizju ġdid u bandiera għal fuq l-istess każin.  L-istatwa tal-kappella tal-każin inħadmet mill-istatwarju Mqabbi Ġlormu Dingli u kienet irregalata mill-aħwa Dingli, Ġużeppi, Ġorġ u Nikola.  Wara kien hemm marċ mill-Banda Lily taħt it-tmexxija ta’ Mro. Julio Tanti.  F’dan il-marċ il-Banda Lily daqqet sett ta’ marċi ġodda li nkitbu apposta għal dan l-anniversarju.  Il-marċi kienu:

LILL-PRESIDENTIJ. Darmanin
TISLIMA LILL-BANDAJ. Tanti
FESTA BRAVAC. Cachia
SURMASTRIJIETJ. Tonna
75 ANNIVERSARJUE. Bugeja
PAWLU U ĠANNI CASSARJ. Mamo
A SMALL BIG STEPP. Gatt
KUMITAT ‘86C. Mizzi
SALVU MAGRO (TAD-DAWL)A. Coleiro

Dawn il-marċi kien rregalati minn Joseph Darmanin, Julio Tanti, Charles Cachia, Joseph Tonna, Amabile Barbara, John Bondin u martu, Michael Dingli, il-Kumitat u Benny Farrugia rispettivament.[57]

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq nhar l-Erbgħa 18 ta’ Ġunju 1986 meta l-Banda Lily daqqet Programm Vokali u Strumentali fil-Pjazza tal-Knisja taħt il-Patroċinju tal-E.T. Sinjorina Agatha Barbara, President tar-Repubblika.

Il-programm kien dan li ġej:[58]

InnuMADONNA TAL-ĠILJUJ. Darmanin
OvertureLIGHT CAVALRYF. von Suppè
KorI LOMBARDI:

CORO DI CROCIATI

CORO DI PROCESSIONE

G. Verdi
PreludjuMEFISTOFILEA. Boito
MeditazzjoniAVE MARIA

(Soprano:  Rose Ciantar)

C. Gounod
KorNABUCCO:

CORO DI SCHIAVI EBREI

G. Verdi
FantasiaCONCERTO DE ARANJUEZR. Rodrigo
Kor/SopranoLA FORZA DEL DESTINO

La Vergine degl’Angeli (Soprano:  Rose Ciantar)

G. Verdi
MarċSOUSA ON PARADESousa
InnuBANDA LILYJ. Darmanin
INNU MALTI

Il-Banda Lily esegwiet dan il-Programm taħt it-tmexxija ta’ Mro. Julio Tanti A. Mus. L.C.M. flimkien mal-Kor S. Tumas t’Aquinu ta’ Gwardamangia taħt it-tmexxija ta’ Mro. Noel Ciantar A. Mus. L.C.M.  Ħadet sehem ukoll is-Soprano Rose Ciantar filwaqt li l-compère kienet Marthese Tanti.

Wara dan il-programm saret l-inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-Każin mill-President tar-Repubblika Agatha Barbara u t-tberik mill-Vigarju Ġenerali Mons. Carmelo Xuereb.  Għall-okkażjoni nkixfu wkoll żewġ lapidi, waħda biex tfakkar dan l-avveniment u l-oħra bl-ismijiet tal-Presidenti li kellha s-Soċjetà matul il-75 sena ta’ ħidma tagħha.[59]

Fl-1987 il-Banda reġgħet għaddiet taħt it-treġija ta’ Mro. Joseph Tonna A. Mus. L.C.M. wara li dan kien waqaf għal perjodu ta’ snin li fihom it-tmexxija reġgħet marret għand Mro. Tanti.  Fl-istess sena Mro. Julio Tanti nħatar Surmast Onorarju għal għomru bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu b’risq il-Banda Lily.  F’din is-sena ir-rappreżentant tal-każin fil-Malta Band Clubs’ Association kien is-Sur Joe Abdilla u l-Arkivista s-Sur Johnny Barbara.[60]  Bit-tħabrik ta’ Mro. Tonna kompla t-tagħlim b’enfasi speċjali fuq it-teorija tal-mużika.

Is-Snin Disgħin

Għall-festa tal-1991 il-Banda Lily ħarġet cassette ta’ marċi brijużi.  Dan il-cassette jinkludi 14-il marċ flimkien mal-Innu lill-Madonna tal-Ġilju u l-Innu tal-Banda Lily, it-tnejn xogħlijiet tal-Mro. Joseph Darmanin.  Ir-rekording sar fl-istudios tal-Media Centre, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro. Joseph Tonna A. Mus. L.C.M..  Il-marċi f’dan il-cassette huma[61]

INNU LILL-MADONNA TAL-ĠILJUJ. Darmanin
STEPHANIEJ. Tonna
PALAZZ TAL-ĠILJUB. Bugeja
IS-SURMAST TAGĦNAR. Sciberras
TAĊ-ĊANUFAI. Borg
GRUPP NISA TAL-ĠILJUA. Pace
FI KLASSI GĦALINAA. Coleiro
TA’ ĠAKBUJ. Tonna
MARIAJ. Tonna
KUMITAT EFFETTIVA. Calleja
REDIEANNEL. Borg
TAL-ARMARA. Coleiro
CHAP-BALD. Caruana
CORONATIONJ. Azzopardi
L.I.F.E.J. Tanti
INNU BANDA LILYJ. Darmanin

Għall-istess festa Mro. Joseph Tonna ħejja tliet bandisti ġodda.  Dawn kienu Julian Camilleri u Brian Agius (klarinetti) u Fernardo Dingli (Sax Alto).[62]

Bidu ta’ Ħidma fuq il-Planċier Artistiku

Nhar it-Tlieta 4 ta’ Awwissu 1992 saret Seduta Ġenerali fil-każin li kienet miftuħa kemm għas-Soċji kif ukoll għall-partitarji.  L-Aġenda kienet ir-rapport finanzjarju tal-festa 1992 kif ukoll pjani futuri b’risq is-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju.  Kien f’din is-Seduta li xi Soċji ressqu l-proposta li jsir Planċier Artistiku biex ikun jista’ jintuża mill-Banda Lily.  Ħafna kienu tal-fehma li issa li l-proġett tal-armar jinsab fi stadju avvanzat, ikun ferm xieraq li jsir planċier li jikkumplimenta l-armar u fl-istess ħin jagħti l-importanza mistħoqqa lill-Banda Lily li wara kollox hi l-għan prinċipali tal-Każin u s-Soċjetà.[63]
            Il-Kumitat qabel li proġett bħal dan hu bżonnjuż għalkemm ħaseb ukoll fil-piż li proġett bħal dan jinvolvi.  Kien għalhekk li f’laqgħa tal-Kumitat tat-28 ta’ Settembru 1992 ġie deċiż li tinħatar Kummissjoni għal dan il-proġett.  Fil-bidu ta’ Ottubru ltaqgħet għall-ewwel darba l-Kummissjoni Planċier magħmula minn[64]

ChairmanBenny Briffa
MembriCharles Azzopardi
Charles Farrugia
Amabile Barbara
Lawrence Magro
Michael Magro
Charles Muscat
Ġilju Sacco
Alfred Xuereb

Minn hawn din il-Kummissjoni bdiet ħidma intensiva sabiex issir l-għażla tad-disinn, id-disinjatur kif ukoll in-nies li kienu ser jaħdmu fuqu.  Beda wkoll il-ġbir bieb bieb immexxi minn Benny Briffa u Amabile Barbara.

Żjara ta’ Ħbieb Antiki

Nhar it-Tlieta 15 ta’ Ġunju 1993, Mro. Joseph Darmanin flimkien ma’ martu Phyllis għamlu t-tieni żjara tagħhom fil-każin tal-Ġilju minn meta ħallew Malta għall-Awstralja fl-1964.  Huma kienu milqugħa mill-President tal-Każin is-Sur Teddy Farrugia kif ukoll il-Kumitat, Bandisti u ex-bandisti kif ukoll numru ta’ soċji u partitarji.  Sar diskors tal-okkażjoni mis-Segretarju Benny Briffa li fih insista fuq l-obbligu li għandhom il-partitarju li l-banda li waqqaf Mro. Darmanin tissaħħah u d-diffikultajiet li wieħed isib sabiex iwettaq dan.[65]

Mro. Darmanin f’kelmtejn qosra rringrazzja lil dawk kollha preżenti u qal li għalkemm bogħod minn pajjiżu huwa dejjem żamm l-Imqabbin u s-Soċjetà tal-Ġilju f’qalbu.  Qal ukoll li wara merħba hekk sabiħa ma setax ma jilqax l-invit li sarlu mis-Segretarju sabiex jerġa jiġi Malta fl-1995 għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tad-Deheb tal-Banda Lily.

Lejliet il-Festa: Lejn aktar prominenza lill-Banda

F’irħula bħall-Imqabba fejn il-fama hi għal kwantità u kwalità tajba ferm ta’ nar kemm tal-art kif ukoll tal-ajru, jinħolqu problemi oħra għal min ikun qed jorganizza l-festa.  L-aktar problema ta’ lejliet il-festa hi dik ta’ bilanċ bejn in-nar u l-banda.  Ħafna każini oħra jsolvu din il-problema billi jneħħu l-banda tal-lokal minn lejliet il-festa sabiex il-programm Mużikali jsir matul il-ġimgħa meta l-pressjoni tan-nar u l-ħinijiet tkun wisq iżgħar.

Minkejja l-vantaġġi ta’ dan, il-Kumitat tal-Każin tal-Ġilju f’dawn l-aħħar snin ipprova jsib bilanċ billi l-Programm Mużikali jibda ftit kmieni u t-tieni parti tkun mużika aktar leġġera sabiex tipprova żżomm in-nies.  Mhux faċli iżda wieħed jista’ jgħid li kien hemm grad, għalkemm żgħir, ta’ suċċess f’dan.

Għall-festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-1992 kien hemm tibdil fid-direzzjoni tal-Banda Lily.  Mro. Calleja ħa post Mro. Joseph Tonna li rtira mill-kariga tiegħu u bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu nħatar Surmast Onorarju għal għomru.[66]

Għall-festa tas-sena 1993, Mro. Andrew Calleja ħareġ l-ewwel żewġ bandisti ġodda:  Paul Camilleri (Kurunetta) u Adrian Farrugia (Althorn).  Barra minn hekk Mro. Calleja flimkien mal-Kummissjoni Banda ħejjew format daqsxejn differenti.  Il-programm beda jkun aktar impenjattiv, preżentat bil-Malti u bl-Ingliż biex ipaxxi l-mijiet ta’ turisti li jkun preżenti.

Is-sena 1995 fissret għas-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju u aktar għall-Banda Lily sena ta’ impenn kontinwu.  Dan għaliex f’din is-sena s-Soċjetà ċċelebrat għeluq il-ħamsin sena mill-ewwel Programm li l-Banda Lily, li bdiet tifforma ruħha aktar kmieni fl-1944, wettqet f’Diċembru tal-1945.

Iċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru dan l-anniversarju fetħu nhar il-Ħadd 4 ta’ Diċembru 1994, festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ġewwa l-Imqabba.  Wara l-purċissjoni li ssir ta’ kull sena mill-Fratellanza tal-Kunċizzjoni sar programm mużikali bis-sehem sħiħ tal-bandisti tal-post.  Dan il-Programm li kien dirett minn Mro. Andrew Calleja ntlaqa’ ferm tajjeb min-nies preżenti.[67]

Propju tlett ijiem wara l-Banda Lily kienet mistiedna sabiex tieħu sehem fil-festi speċjali li saru f’Bormla sabiex jitfakkar il-Pellegrinaġġ ta’ 50 sena ilu bl-istatwa tal-Kunċizzjoni.  Kien ta’ unur kbir għall-Banda Lily li tkompli din ir-rabta qadima ta’ servizzi f’Anniversarji speċjali ġewwa Bormla.

Fit-18 ta’ Diċembru 1994 il-Banda tat servizz ieħor fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-Kampanja ‘Milied Flimkien.’  F’din is-serata li kienet trażmessa fuq it-televiżjoni, il-Banda daqqet marċi tul Triq ir-Repubblika u f’Misraħ il-Ħelsien u kien preżentat il-Poster li sar għal din l-okkażjoni mill-artist Pawlu Camilleri Cauchi.  Matul it-triq membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ qassmu bookmarks li jfakkru propju l-Ħamsin sena mit-twaqqif tal-Banda Lily.[68]

L-ikbar impenn iżda wasal fix-xahar ta’ Mejju.  Dan kien il-mawra tal-Banda Lily ġewwa Palermo fejn hija esegwiet marċi u programmi mużikali ġo diversi rħula Taljani.  Il-Banda ħassitha onorata li kellha tkun l-ewwel Banda Mqabbija li tmur iddoqq barra minn xtut pajjiżha.

Il-kontinġent telaq nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju fil-5am u l-ewwel impenn kien ġewwa s-Sala Paladini tal-kumpless Città del Mare.  L-okkażjoni kienet ‘Jum l-Ewropa’ u għalhekk l-għażla mużikali kienet intiża sabiex jintlaħqu l-gosti ta’ udjenza tant imħallta u vasta.

L-Inawgurazzjoni tal-Planċier il-Ġdid

Kienet il-festa tal-1992 li xi soċji bdew isemmu l-idea li jsir planċier artistiku għall-Banda Lily peress li f’dik is-sena l-proġett ta’ restawr u żjieda tal-armar kien f’fażi avvanzata.  Fil-festa tal-Kunċiżżjoni tal-1992 saret wirja ta’ disinji tal-Planċier.  Kien hemm erba’ disinji:  tas-Sur Ninu Galea, is-Sur Joe Chetcuti, is-Sur Joe D’Amato u s-Sur Salvu Bugeja.  Wara li s-Soċji setgħu jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom, il-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat għażlu d-disinn tas-Sur Salvu Bugeja sabiex ikun esegwit.[69]

Fuq insistenza tas-Sur Ġilju Sacco saru xi alterazzjonijiet; bażikament żdiedu n-niċeċ bil-bustijiet tal-kompożituri fihom u l-panewijiet imqammrin flok ċatti.  Dan żied ħafna x-xogħol tal-gwarniċ peress li x-xogħol ried isir kollu fit-tond iżda d-determinazzjoni tal-aħwa Sacco u nies oħra li għenu kienet kbira.

Fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju 1993 iżżanżnet il-bażi tal-ħadid ta’ dan il-Planċier artistiku.  Kien Mro. Joseph Darmanin li żanżan din il-bażi bid-daqq tal-Innu tal-Madonna tal-Ġilju, kompożizzjoni tiegħu stess.  Mro. Darmanin kien Malta apposta għall-festa peress li hu emigrant fl-Awstralja.  Fl-istess festa sar invit lil Mro. Darmanin sabiex jattendi għall-inawgurazzjoni tal-Planċier sentejn wara.[70]

Ix-xogħol kien tassew kbir.  Il-bustijiet inħadmu tal-bronż sabiex ikomplu jgħollu l-prestiġju ta’ din l-opra.  Ix-xogħol fl-injam ukoll ħa ħafna ħin peress li kull biċċa skultura nħadmet bl-idejn.  Matul dawn is-sentejn ta’ ħidma sar ukoll xi tibdil fil-Kummissjoni li tieħu ħsieb il-Planċier u din saret magħmula hekk:

Chairman         Benny Briffa

Viċi Chairman  Charles Farrugia

Membri            Charles Azzopardi

Amabile Barbara

John Barbara

Tarċisio Dingli

Mario Farrugia

L-aħwa Charles u Ġilju Sacco[71]

F’diversi attivitajiet pubbliċi ta’ matul dawn is-sentejn il-President tas-Soċjetà Teddy Farrugia diversi drabi wiegħed li l-Planċier jiġi inawgurat fl-1995. Aktar ma beda joqrob iż-żmien aktar bdiet issir diffiċli sabiex din il-wegħda tinżamm.  Iżda bil-ħidma ta’ dawk kollha involuti l-wegħda twettqet.

Fil-fatt il-planċier artistiku ġie inawgurat nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 1995.  Dan sar waqt programm Vokali u Strumentali bil-parteċipazzjoni tal-Banda Lily taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Andrew Calleja u l-Kor St. Elena ta’ B’Kara taħt id-direzzjoni tas-Sur Anthony Saliba.  F’dan il-programm ħadu sehem ukoll is-Sopran Joan Cassar u t-tenur Brian Cefai.[72]

Iċ-ċerimonja kienet kollha taħt il-Patroċinju tal-Aġent President ta’ Malta Dr Jimmy Farrugia u s-Sinjura tiegħu peress li l-President ta’ Malta Dr Ugo Mifsud Bonnici kien għal żjara uffiċjali fl-Italja.  It-tberik sar mill-Monsinjur ta’ Cinisi Reverendu Antonio Cusumano.  Għal din iċ-ċerimonja kienu mistiedna diversi nies distinti bħall-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Ambaxxaturi, Ministri, Deputati Parlamentari, Sindki u Kunsilliera kif ukoll l-Imqabbin attivisti u Soċji tas-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju.

Kienet xena ferm kommoventi meta sar il-kxif tal-Planċier. Dawk kollha preżenti qamu jċapċpu għal ħin twil filwaqt li l-mużika ta’ Wagner kompliet sebbħet l-atmosfera.  Kien verament jum memorabbli.  L-istess entużjażmu deher waqt id-diskors tal-Aġent President ta’ Malta li sejjaħ dan il-Planċier bħala ‘monumentali u li jagħmel ġieħ mhux biss lill-Imqabbin iżda lilna l-Maltin.’[73]

Il-Bandalora Artistika

Bħallikieku l-Planċier Artistiku ma kienx biżżejjed, fl-istess ċerimonja tal-14 ta’ Ġunju ġiet inawgurata bandalora tal-banda ġdida, opra regalata mill-familja Baldacchino.  Din il-bandalora saret fuq id-disinn tas-Sur Salvu Bugeja u nħadmet mill-artiġġjana Mqabbija Emanuela Galea Mangion.  Id-disinn barra li hu kumpless fih ħafna xogħol ta’ reqqa.  Iċ-ċentru ta’ din il-bandalora hu dominat mill-figura tal-Madonna tal-Ġilju mpittra fuq it-tila mill-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi.[74]

Wara l-għoti ta’ din il-bandalora mis-Sur Toni Baldacchino, President Onorarju tas-Soċjetà u benefattur ta’ din l-opra, sar it-tberik tagħha mill-Monsinjur Cusumano.  Wara din il-bandalora ħadet postha fuq il-Planċier il-ġdid.  Żgur li opra bħal din mhux biss tonora lill-banda iżda wkoll tibqa’ sservi bħala monument ta’ arti artiġġjanali fil-każin fejn tkun għall-wiri.

Konklużjoni

Il-ħajja tal-banda ma waqfitx ħamsa u għoxrin sena ilu. Kien hemm kisbiet kostanti u żviluppi bl-impenn tas-Surmast Direttur Andrew Calleja, l-Assistent Surmast Edwin Pace kif ukoll tal-Kummissjoni Banda. Il-programmi u attivitajiet saru aktar moderni. Il-mużika llum qed tkun imżewġa mal-awdjo-viżiv kif ukoll in-nar.  Kantanti ta’ fama nazzjonali li ħafna minnhom rebħu l-Eurovision festival u oħrajn Imqabbin jew ta’ dixxendenza Mqabbija akkumpanjaw il-banda f’diversi kunċerti kbar.

75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.