Il-Banda Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba: Twaqqif, Ħidma u Kommemorazzjoni

kitba ta’ Dr Charles J. Farrugia Ph.D(Aber)

Mid-dokumentazzjoni misjuba sa issa jidher li s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba twaqqfet uffiċjalment fis-sena 1911, oriġinarjament bl-isem ta’ ‘Circolo Pio X’. Il-moħħ wara dan il-grupp ta’ nies kien Paolo Caruana, negozjant influwenti Mqabbi li kellu rwol importanti fil-kunflitt tat-twaqqif taż-żewġ Soċjetajiet tal-festa ġewwa l-Imqabba. Fil-fatt, din il-persuna ddebuttat xejn anqas minn tliet darbiet bħala President ta’ Każini bikrin fir-raħal tagħna. Insibu li fl-1898 kien jokkupa din il-kariga fil-‘Casino San Giuseppe’, u fl-1905 fil-Każin Soċjali Santa Marija. Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet ma tantx kellhom ħajja twila, għax ma damux ma kellhom jagħlqu għal kollox. Caruana kien il-bniedem li waqqaf iċ-‘Circolo Pio X’ (Tal-Ġilju, jew kif kien magħruf ‘tal-kaħla’) fejn dam jippresiedi sas-sena 1914.

Meta bdiet riesqa fi tmiemha t-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm spirtu ta’ tiġdid u dan wassal biex il-każin tal-Ġilju jibda joffri tagħlim mużikali.  Dan it-tagħlim kien matur u formattiv biżżejjed sabiex il-kumitat ta’ dan il-każin ħaseb li jibdel darba għal dejjem il-forma ta’ każin minn wieħed soċjali għal wieħed tal-banda fl-1944.  L-ewwel referenza għal Soċjetà Mużikali fl-Imqabba hija dokumentata f’ittra datata 19 ta’ Awwissu 1944 mibgħuta mis-Segretarju tas-Soċjetà tal-Ġilju Leonard Bilocca lid-Depot tal-Pulizija tal-Ħamrun fejn jitlob sabiex l-isem tal-Każin jinbidel minn ‘The Lily Club’ għal ‘The Lily Band Club’. Din it-talba ġiet milqugħa permezz ta’ ittra oħra datata 29 ta’ Awwissu 1944 mid-Depot tal-Pulizija indirizzata lill-istess Leonard Bilocca fejn tinfurmah li b’effett immedjat il-Każin jibda jissejjaħ ‘The Lily Band Club’, u b’hekk sar l-ewwel każin tal-banda fl-Imqabba.

Jidher li l-ewwel tentattivi sabiex tiġi formata xi tip ta’ orkestra jew banda fi ħdan is-Soċjetà Mużikali tal-Ġilju ġew mis-Sur Emanuel Ellul li kien organista fil-knisja tal-Imqabba u kien ukoll jieħu ħsieb it-tfal tal-kor tal-istess parroċċa.  Huwa kien midħla tas-Surmast Joseph M. Bilocca miż-Żurrieq u kien imur id-dar tiegħu jitgħallem it-teorija u jdoqq il-pjanu. Għall-bidu tal-1933, Ellul beda jagħti lezzjonijiet tat-teorija lit-tfal tas-Soċjetà tal-Ġilju bil-ħsieb li titwaqqaf orkestra.  L-istrumenti, prinċipalment vjolini, kienu jkunu mgħallma minn Baskal Xuereb, li għalkemm kien iktar magħruf għall-bini u l-logħob tan-nar kien ukoll dilettant tal-mużika u saħansitra jmidd idejh għat-tagħlim tagħha.

Wara xi xhur ta’ tagħlim, l-idea bdiet tinbidel f’waħda ta’ banda.  Emanuel Ellul li dak iż-żmien kien President tal-Każin tal-Ġilju ħajjar lil Mro. Joseph Bilocca sabiex jibda jħarreġ l-allievi u fil-fatt f’nofs l-1944 huwa beda bit-tagħlim tal-allievi. Emanuel Ellul kien baqa’ jitħarreġ fl-arti mużikali u kkompona diversi siltiet ta’ mużika sagra kif ukoll mużika oħra fosthom il-Marcia Sinfonica ‘Giglio tra le spine.

Fost l-ewwel allievi li beda jgħallem Mro. Bilocca kien hemm Wistin Gauci, John Farrugia u Julio Tanti.  Huwa dam jiġi l-Imqabba xi sitt xhur u kien diġa qassam l-istrumenti lil uħud mill-bandisti fosthom Wistin Gauci.

Tajjeb li ngħid li minbarra din il-ħidma marbuta mal-banda kien hemm ukoll passi mportanti ferm.  Fit-18 ta’ Marzu 1945 saret seduta ġenerali u ġie deċiż li tinxtara d-dar numru 12/13 Pjazza tal-Knisja sabiex issir is-Sede l-ġdida tas-Soċjetà.  Minkejja l-ispejjeż fuq kull front, kien hemm spirtu ta’ ħeġġa u entużjażmu.  Il-festa baqgħet soda tant li kienu jġibu ż-żewġ baned tal-Belt Valletta li dak iż-żmien kienu fost l-aktar prestiġjużi.  Nhar is-Sibt 26 ta’ Mejju 1945 daqqet il-Banda King’s Own fl-okkażjoni ta’ Lejliet il-festa tal-Madonna tal-Ġilju filwaqt li l-għada f’jum il-festa, daqqet il-Banda la Valette.

Minħabba l-impenji kemm tal-Każin il-ġdid kif ukoll tat-twaqqif tal-banda, is-Soċjetà kellha spejjeż kbar.  Il-Kumitat kien wieħed ħabrieki u ħawtieli magħmul minn dawn il-membri:

President: Emanuel Ellul, Viċi President: Harry Galan, Segretarju: Frank Saliba, Kaxxier: Karmnu Camilleri, Assistent Kaxxier: Ġużeppi Baldacchino u Membri: Raymond Ellul, Karmnu Galea, Ġużeppi Farrugia u Ġilju Camilleri.

F’seduta tal-Kumitat tat-2 ta’ Diċembru 1945 ġie deċiż li l-Banda Lily toħroġ iddoqq għall-ewwel darba fid-9 ta’ Diċembru 1945 fl-okkażjoni tal-festa tal-Kunċizzjoni. Biex jinfdew l-ispejjeż saret ġabra speċjali dakinhar tal-Kunċizzjoni u fiha nġabru Lm31.16,6.

75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.
75 sena tal-ewwel banda Imqabbija.