150 Anniversarju mit-tħabbira u d-definizzjoni solenni tad-Dogma tal-Immakulata Kunċizzjoni

 

Kull anniversarju jistħoqqlu kommemorazzjoni. Hekk għamlet l-Għaqda Mużikali Madonna tal-Ġilji matul is-sena 2004, is-sena li fiha l-Knisja Kattolika fakkret il-150 Anniversarju mit-tħabbira u d-definizzjoni solenni tad-Dogma tal-Immakulata Kunċizzjoni, mill-Grazzja Tiegħu l-Papa Piju IX fit-8 ta’ Diċembru. 1854.

Il-membru tal-Kumitat is-Sur John Barbara ddisinja logo kommemorattiv għall-okkażjoni. Il-festi tnedew f’Diċembru 2003, waqt il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba. minn wirja marbuta mad-devozzjoni lejn l-Immakulata Kunċizzjoni, inawgurata mill-eks Kappillan Kanonku Dun Anton Vella. Il-Ħadd 4 ta’ Jannar 2004 ġiet organizzata żjara f’Għawdex. Inżaru diversi postijiet ta’ qima ddedikati lill-Immakulata Kunċizzjoni. Attività simili, din id-darba f’Malta, ġiet organizzata nhar il-Ħadd 7 ta’ Marzu 2004.

Is-Soċjeta’ organizzat ukoll Seminar Marjoloġiku nhar il-Ħadd 21 ta’ Marzu 2004 fis-Sala tas-CAK f’Birkirkara, b’numru ta’ esponenti li għamlu diskorsi ffukati esklussivament fuq il-Virtujiet tal-Madonna. Is-Seminar kien taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Nikol G. Cauchi, Arċisqof ta’ Għawdex. Is-Seminar fetaħ bl-inawgurazzjoni tal-poster uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet, minn Chev. Paul Camilleri Cauchi.

Kienu ppreżentati kopji tal-poster uffiċjali lil personalitajiet ċivili distinti, fosthom il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Nhar is-Sibt 29 ta’ Mejju 2004, il-Banda Madonna tal-Gilju pparteċipat fiċ-ċelebrazzjonijiet speċjali li saru fir-Rabat Għawdex. Ġie mfakkar ukoll l-Anniversarju tad-Dogma fil-Festa tal-Madonna tal-Ġilju 2004, waqt il-kunċert annwali vokali u strumentali fuq il-Kard tal-Banda mill-Banda Madonna tal-Gilju.