TalĠilju ŻGĦAŻAGĦ
Ta’ kull sena, is-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Muzikali Madonna tal-Ġilju tilqa’ żgħażagħ interessati bejn is-16 u t-30 sena biex japplikaw bħala membri fi ħdan is-Soċjetà.
Il-membri fi ħdan din il-fergħa jiddedikaw ħafna sigħat ta’ xogħol volontarju sabiex iżommu r-relazzjoni tagħhom mal-kumplament taż-żgħażagħ li jiffrekwentaw is-Soċjetà tagħna. Bħala żgħażagħ, l-għan ewlieni tagħhom huwa li jorganizzaw attivitajiet matul is-sena kollha, li jwasslu għall-aktar ġimgħa mistennija f’Ġunju, sabiex tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Ġilju. Wara xhur ta’ dedikazzjoni, huma ħerqana biex jorganizzaw il-Marċ tal-Ġimgħa li huwa sinonimu ma’ dawk kollha li jħobbu l-oriġinalità, l-innovazzjoni u l-ambizzjoni li jistinkaw għal riżultat aħjar, darba wara l-oħra. F’dawn l-aħħar snin, iż-żgħażagħ ħadmu ħafna sabiex jiksbu finanzjament mill-UE sabiex jagħmlu użu mir-riżorsi kollha li huma disponibbli għall-NGOs. B’xorti tajba, il-finanzjament ippermetta liż-żgħażagħ dejjem jaħsbu barra mill-kaxxa, iżommu l-għanijiet tagħhom għoljin u jżommu l-għażliet kollha miftuħa għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi.
Fis-16 ta’ Lulju 1993 twieldet l-ewwel Sezzjoni Żgħażagħ li qatt twaqqfet fl-Imqabba. Minn dakinhar ’l quddiem, is-Sezzjoni Żgħażagħ qatt ma waqfet tikber u timxi b’mod konsistenti. Matul dawn l-aħħar 5 snin, saru bidliet kbar u s-sezzjoni introduċiet diversi attivitajiet ġodda bħall-Mqabba 5K Run, il-Lejla Maltija kif ukoll l-Oktoberfest. Iż-żgħażagħ iġeddu wkoll il-pubblikazzjoni Il-Fjur u kull tant żmien bdew joħorġu Il-Ġilju; fuljett konċiż iżda informattiv, attraenti li jaġixxi bħala vetrina tax-xogħlijiet tas-Sezzjoni Żgħażagħ. Riċentament fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju mit-twelid tal-ewwel Sezzjoni Żgħażagħ, ħareġ logo kontemporanju, iżda klassiku, li jirrappreżenta s-Sezzjoni Żgħażagħ, iddisinjat mis-Sur Joseph Zammit, iċ-Chairperson ta’ dak iż-żmien. Is-Sezzjoni Żgħażagħ kienet organizzat ukoll kompetizzjoni tal-logo għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 Anniversarju u r-rebbieħ kien is-Sur Andre Gatt. Attivitajiet oħra organizzati miż-żgħażagħ jinkludu d-Dokumentarju Il-Ħolma Żagħżugħa li juri l-progress tas-Sezzjoni Żgħażagħ mill-1993, diversi wirjiet u ċerimonji, il-ħruġ tal-kanzunetta Triq ta’ Suċċess ta’ Federica Falzon, il-ħruġ ta’ merchandising u ħafna aktar.
Is-Sezzjoni Żgħażagħ hija konxja li diffiċli ssib ħaddiema volontarji, għalhekk ħadet l-opportunità biex tiġbor żgħażagħ żgħażagħ li ffurmaw is-Sotto-Kumitat Lily Youths. Id f’id is-Sezzjoni Żgħażagħ twassal lill-Lily Youths biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u għandhom l-għan li jqajmu sens ta’ apprezzament u impenn fi ħdan il-membri li l-età tagħhom tvarja bejn it-13 u t-18-il sena. Minħabba f’hekk illum, is-Sezzjoni Żgħażagħ tat prova tagħha u hija dejjem jikseb riżultati pożittivi f’kull qasam.