Il-Ħolma Żagħżugħa

Promo Video

Is-Sezzjoni Żgħażagħ Madonna tal-Ġilju, l-Imqabba qiegħda tiċċelebra l-anniversarju tant prestiġġjuż tal-25 sena mit-twaqqif tagħha. Għaldaqstant, din is-sena, s-Sezzjoni Żgħażagħ, ħarġet bl-idea li toħroġ dokmentarju bl-isem ta’ Il-Ħolma Żagħżugħa, xhieda tal-ħidma, l-għaqal, l-innovazzjoni, l-oriġinalità u l-ambiżżjoni taż-żgħażagħ taħt il-ħarsa tal-patruna li tant jgħożżu, dik tal-Madonna tal-Ġilju.

Il-ħajra li ż-żgħażagħ jingħaqdu u jiffurmaw Sezzjoni propju bdiet fis-16 ta’ Lulju, 1993, fejn ġie mwaqqaf għall-ewwel darba kumitat li qajjem interess kbir fiż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien. Uħud minn dawn l-individwi għadhom jagħtu l-kontribut tagħhom fi ħdan is-soċjetà b’mod ġenerali, u warajhom ġew ħafna oħrajn li lkoll kellhom xi ħaġa x’joffru. Għaldaqstant, dan id-dokumentarju jiġbor fieh timeline ta’ avvenimenti u emozzjonijiet li baqgħu jintirtu tul iż-żminijiet. Fil-fatt jiġbor fieh kemm aspetti pożittivi, kif ukoll negattivi li minnhom tgħallimna u dejjem addattajna għaċ-ċirkostanzi li kellna naffaċjaw.

L-isem ‘Il-Ħolma Żagħżugħa’ jġorr miegħu tifsir ħafna aktar fond milli wieħed jaħseb. Il-ħolma tirrappreżenta dik il-fażi waqt l-irqad, fejn mill-memorja inkonxja, tiġi ffurmata viżjoni fantastika f’moħħna li tgħina naffaċjaw il-problemi u nifhmu x-xewqat tagħna. L-istess iseħħ fil-Kumitat, kulħadd ikollu l-ħolm tiegħu, kulħadd ikun jixtieq iwettaq dak li għandu f’moħħu, iżda meta tkun fi ħdan grupp, trid tilħaq kompromess u titgħallem tifhem ukoll l-oppinjonijiet diversi ta’ dawk ta’ madwarek. Kultant nitkellmu wkoll dwar li toħlom b’għajnejk miftuħin, rapreżentazzjoni ta’ kif wieħed m’għandux biss joħlom, iżda jkun determinat biżżejjed sabiex jgħix dak il-ħolm, b’hekk permezz ta’ dan id-dokumentarju nistgħu ngħixu l-immaġinazzjoni u ningħaqdu lkoll flimkien fi spirtu żagħżugħ.

Bi preparazzjoni kontinwa u bil-grazzja ta’ Ommna Marija, dalwaqt wasalna għat-tnedija ta’ din il-ħolma, nhar it-Tnejn 30 t’April, 2018, ġewwa l-Galleria Shopping and Entertainment Centre, il-Fgura, taħt il-Patroċinju tal-Onorevoli Dr Owen Bonnici, Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Nistgħu ngħidu li issa s-sala mtliet kollha u b’hekk it-tnedija hija fully-booked, iżda tajjeb li nsemmu li ser ikun hemm second viewing nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju ġewwa s-Sede tas-Soċjetà tagħna fis-7pm u fid-9pm. Għal aktar dettalji u għall-bookings ċemplu fuq 79685761 jew 98122062. Żgur li dawk kollha li ser jattendu ser japprezzaw ix-xogħol u l-ħin volontarjat iddedikat għall-preparazzjoni tal-iscript, filming u koordinazzjoni kontinwa li wasslet għal prodott finali, li lkoll ninsabu kburin bih. Fil-fatt, l-islogan uffiċjali huwa “Il-Passat Dokumentat, Il-Preżent Iċċelebrat, Il-Futur Previst”, tliet frażijiet li huma l-qofol tas-Sezzjoni Żgħażagħ, li ma tiċħadx il-passat tagħha, iżda titgħallem minnu, tgħix il-preżent glorjuż u tħares ’l quddiem b’ambizzjoni u determinazzjoni.

Fost l-atturi prinċipali li ser naraw fid-dokumentarju, għandna l-protagonist żagħżugħ Aiken Buhagiar li żgur mhux forsi, l-udjenza ser torbot qalbha miegħu, għax jirrappreżenta ż-żgħażagħ tal-passat. Naraw ukoll in-nannu tiegħu, Pawlu Caruana, li jirrappreżenta l-ġenerazzjoni anzjana, li rridu ngħożżu u nitgħallmu mingħandha, għaliex tista’ tkun l-għajn tal-ispirazzjoni tagħna. Fost l-atturi prinċipali l-oħra hemm l-omm, Dorianne Vella, l-għalliem, George Micallef u l-qassis, Jonathan Laferla. Barra minn hekk, dan id-dokumentarju ma kienx ikun possibli jekk mhux bis-saħħa tas-Sezzjoni Zghazagh Madonna tal-Gilju, l-crew kollu min naħa ta’ JC Productions, kif ukoll zghazagh u ndividwi oħra. Nixtiequ  nirringrazzja wkoll l-isponsors ewlenin: Maypole, Nenu The Artisan Baker, Eleonora Cauchi Makeup Artist u Total Beauty Malta.

Attività sekondarja amalgamata ma’ dan id-dokumentarju hija il-Wirja f’għeluq il-25 Sena Sezzjoni Żgħażagħ fejn ser nagħtu l-ħajja lil diversi collecter’s items li sfortunatament kultant jintesew, u uħud minnhom ser jidhru wkoll fid-dokumentarju nnifsu, u b’hekk ser noħolqu a hands on approach. Il-wirja ser tkun miftuħa għall-pubbliku fis-swali tas-Sede tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju min nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju fis-7 ta’ filgħaxija, sal-Ħadd 13 ta’ Mejju fit-8 ta’ filgħaxija. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sas-Sibt mis-6 sad-9 ta’ filgħaxija u l-Ħadd mid-9 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mil-5 sat-8 ta’ filgħaxija. Din il-wirja ser titella’ bil-għajnuna ta’ diversi membri u partitarji fis-soċjetà tagħna li taw l-għajnuna tagħhom billi attendew għall-filming tal-intervisti li ser jidhru fid-dokumentarju u sabiex inġabar il-materjal kemm għall-props li ntużaw waqt il-filming, u kif ukoll għall-oġġetti li ser jidhru fil-wirja.

Bl-isforz kollettiv ta’ kulħadd nistgħu ngħidu li għandna prodott professjonali għax dan id-dokumentajru ser jiġbor flimkien lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-festa Maltija, l-aktar dawk is-soċji u partitarji attivi fis-soċjetà tagħna tal-Madonna tal-Ġilju, għax xi darba jew oħra lkoll kienu żgħażagħ bħalna.