Wara l-ispettaklu tan-nar tal-ajru lejlet il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju 1994, kien imiss spettaklu ieħor ta’ logħob tan-nar tal-art oriġinali u mekkanizzat tul Triq Karmenu Ciantar. Din kienet it-tielet sena li dan l-ispettaklu ma baqax jingħata mill-Pjazza ta’ quddiem il-Każin, fejn kien ilu jsir għal ħafna u ħafna snin. F’dan il-filmat, wieħed jista’ japprezza l-ammont ta’ rdieden mekanizzati li jaħdmu permezz ta’ fintuna u gassijiet ta’ bosta kuluri.

Żewġ biċċiet li jispikkaw huma “Il-Computer” maħdum minn Lawrence Magro u “It-Television”, maħdum minn Edwin Gatt, fl-okkażjoni tal-ewwel sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ Madonna tal-Ġilju.