Is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba twaqqfet uffiċċjalment fis-sena 1911 mis-Sur Paolo Caruana bil-għan li torganizza ċ-ċelebrazzjonijiet esterni marbuta mal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju li jsiru ta’ kull sena fl-Imqabba. Oriġinarjament bl-isem ta’ “Circolo Pio X”, is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju hija dixxendenza diretta tal-Konfraternita’ tal-Immakulata Kunċizzjoni, mwaqqfa Kanonikament ġewwa l-Imqabba nhar id-29 ta’ Jannar 1772 mis-Saċerdot Bormliż Dun Giacomo Tortella.

Il-qasam tal-logħob tan-nar, minn dejjem kien sinonimu mal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. Infatti, l-ewwel referenza dokumentata għall-piroteknika fl-Imqabba nsibuha fil-Festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-1876, is-sena fejn propju waslet għall-ewwel darba ġewwa l-Imqabba il-Vara Artistika u Devota tal-Madonna tal-Ġilju, xogħol l-istatwarju mill-Isla Giovanni Darmanin. Fiż-żmien bikri tat-twaqqif tas-Soċjeta’, nbdiet ħidma ntensiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-armar ta’ barra fejn fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu l-ieħor naraw l-inawgurazzjoni tal-Pedestall tal-Vara l-Kbira, sett trofej, sett ta’ tnax-il anġlu għal mal-Knisja, l-istatwa ta’ Malta u dik tal-Papa Piju X fost oħrajn.

Mingħajr l-ebda dubju, l-Imqabba ma skappatx il-ħerba li ġabet magħha it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn saħansitra fl-attakk tad-9 t’April 1942, il-koppla tal-Knisja Parrokjali u l-kappellun tal-Immakulata Kunċizzjoni sfaw totalment meqruda. Il-Vara tal-Madonna tal-Ġilju ntradment kompletament taħt it-tifrik, iżda b’xorti tajba, sofriet ħasarat minimi.

Ma’ tmiem il-gwerra, l-attivita’ soċjali fl-Imqabba li tista’ tgħid mietet ħesrem, reggħet qabdet tiffjorixxi. U hekk ġara fi ħdan is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju. L-ewwel żvilupp kien il-bidu tat-tagħlim mużikali fi ħdan Każin tal-Banda Mqabbi li rriżulta fit-twaqqif tal-Banda Lily bħala l-ewwel Banda Mqabbija taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Darmanin. L-ewwel dehra tagħha kienet nhar id-9 ta’ Diċembru 1945 fl-okkażjoni tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. 

Proġett ieħor kolossali kien it-tlestija tal-faċċata tal-każin fis-sena 1948. Kull min jaqbeż qabża sal-Imqabba, ma jistax ma jinnotax il-ġmiel uniku ta’ din il-faċċata fuq stil barokk li tinsab fl-aktar parti prominenti tal-Pjazza. Fl-2008, din ġiet restawrata għall-ġmiel oriġinali tagħha.

Fis-snin 80, ingħatat spinta kbira lill-Banda, fejn taħt it-tmexxija tal-Imqabbi Mro Joseph Tonna, naraw numru kbir ta’ bandisti żgħażagħ jingħaqdu ma’ din l-ewwel Banda Mqabbija. Fl-1986 saru festi speċjali fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’, fejn naraw l-inawgurazzjoni ta’ bandiera ġdida u kif ukoll il-frontispizju artistiku tal-faċċata tal-Każin u l-inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-istess bini. Fi tmiem dan id-deċennju, is-Soċjeta’ kienet onorata għal diversi drabi bl-ewwel premju fil-kompetizzjoni tat-tiżjin tal-faċċati tal-Każini fil-Milied.

Is-snin 90 kienu l-bidu ta’ riforma sħiħa fl-istrutturi kollha li minnhom hija magħmula s-Soċjeta’. Inbdiet ħidma fuq diversi proġetti ta’ armar ġdid għall-pjazza u t-toroq u l-qasam pirotekniku fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju laħaq il-quċċata tiegħu kemm bħala kwantita’ u kif ukoll kwalita u permezz ta’ nvenzjonijiet għal kollox ġodda. Fl-1993 twieldet l-ewwel Sezzjoni Zgħażagħ fl-Imqabba.

Fl-1995 is-Soċjeta’ fakkret egħluq il-50 sena mit-twaqqif tal-ewwel Banda Mqabbija. Dan l-anniversarju ġie mfakkar bil-kbir permezz ta’ diversi inizzjattivi għal kollox ġodda għall-Imqabba. Fost dawn, insemmu l-ewwel servizz ta’ Banda Mqabbija barra minn xtutna ġewwa Sqallija. Fil-festa ta’ dik is-sena ġie inawgurat il-Planċier Meravilja, li sal-lum il-ġurnata għadu uniku għal pajjiżna. Ma’ dan tiżdied il-bandalora artistika tal-Banda, rigal tal-Familja Baldacchino, benefatturi ewlenin tas-Soċjeta’. Fl-istess sena, ġie mniedi l-ktieb storiku “Tal-Ġilju: Il-Banda u s-Soċjeta’ fl-Imqabba”.  Fis-snin ta’ wara komplew aktar servizzi tal-Banda barra minn xtutna fosthom it-Tuneżija u l-Awstrija u kif ukoll Baned Awstrijaċi joffru s-servizz tagħhom ġewwa l-Imqabba fl-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. Fl-1997 saret l-ewwel Akkademja Mużiko-Letterarja mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-Knisja tal-Imqabba biex jitfakkar il-225 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Proġett ieħor ġie mwettaq fl-2007 permezz tal-inawgurazzjoni tal-ewwel stazzjon tar-Radju Komunitarju fl-Imqabba: Tal-Ġilju FM 95.4 li jxandar kull sena fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Ġilju u dik tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fl-2008, l-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju ġiet inkurunata bħala rebbieħa assoluta tal-Festival Nazzjonali tal-logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat fuq il-Fossos tal-Floriana. Fl-istess sena twieled “Tal-Ġilju Junior Club”. Fl-2010 ġie mniedi l-proġett kolossali tat-twaqqiegħ u bini mill-ġdid tas-sede tas-Soċjeta’.

Sena mpenjattiva oħra kienet l-2011 fejn ġie mfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’. Saru bosta attivitajiet fuq skala nazzjonali fosthom is-Seminar dwar il-Festi Maltin u kif ukoll Akkademja Mużiko-Letterarja fil-Knisja Parrokjali. Unur ieħor ġie f’din l-istess sena propju lejlet il-Festa fejn l-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju naqqxet isimha fil-Guinness Book of World Records permezz tal-ħruq tal-akbar reddiena fid-dinja.

Avvenimenti ta’ mportanza tul is-snin riċenti kienu jittrattaw kuntatti li ġew stabbiliti ma’ diversi postijiet barra minn xtutna fejn tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. Ewlieni fost dawn huwa l-villaġġ Taljan ta’ Anticoli Corrado fil-Provinċja ta’ Ruma. Matul din is-sena saru żjarat reċiproki fl-Imqabba u Anticoli Corrado minn delegazzjonijiet tal-organizzaturi taż-żewġ Festi.