L-internet illum sar parti integrali mill-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u kull organizzazzjoni jew istituzzjoni għandha bżonn taġġorna ruħha maż-żmien. Studji f’dawn l-aħħar snin urew li l-Internet qabeż għal kollox il-forom tradizzjonali ta’ komunikazzjoni u midja.

Kien għalhekk li l-Kummissjoni Media ħadet ħsieb li tieħu dan il-pass u taġġorna s-sistemi tat- teknoloġija li kull fergħa fis-Soċjetà tagħmel użu minnhom.

Flimkien ma’ dawn il-pjattaformi diġitali, it- tim ħa ħsieb ukoll biex jaġġorna l-website. L-għan tal-website huwa li tkun l-ewwel referenza biex is-soċjeta tgħaddi l-messaġġ uffiċċjali tagħha biex imbagħad ikun jista’ jiġi trażmess fuq il-media soċjali. Il-website ħadet xejra moderna u wieħed jista’ jgħid li bis-sehem ta’ kulħadd, il-website qed tkun aġġornata kull ħin b’dak li qed jiġri f’kull fergħa tas-Soċjetà.

It-Tim ħa ħsieb biex jinstalla servers u data switches ġodda ġewwa l-main cabinet fl-istudio ewlieni ġewwa l-Każin. Dan il-pass sar biex il- binja kollha jkollha aċċess għall-Internet. Ġiet installata żona ta’ Free Public WiFi ġewwa ż-żona tal-Bar, fejn wieħed jista’ jgawdi l-internet b’xejn. Fil-Multipurpose Hall ġiet installata wkoll is- sistema tal-WiFi, pero’ bid-differenza li dan huwa iktar sigur u veloċi biex ikun kapaċi jiflaħ għal kwalunkwe ammont ta’ data li tintuża bħal rekording ta’ mużika, live streaming tal-festa u avvenimenti oħra li jirrikjedu internet b’saħħtu.

Żgur li mhux ser nieqfu hawn. Għandna proġetti ambizzjużi għall-futur, fejn ser isiru upgrades fuq is-servers li għandna diġa’ installati sabiex inkunu nistgħu nespandu u nikkrejaw librerija diġitali u ssir preservazzjoni ta’ dokumenti, ritratti, vidjows u arkivji tal-mużika.

Fid-dinja moderna tal-lum, b’mod partikolari fejn tidħol il-midja soċjali bħal Facebook, YouTube, Instagram u Twitter, it-Team Media ħa ħsieb biex kull fergħa fi ħdan is-Soċjetà tuża dawn il- pjattaformi biex twassal il-messaġġ tagħha. Ta’ min isemmi wkoll li ttieħdet inizzjattiva li l-marċi tal-festa jiġu mtellgħa fuq il-pjattaforma diġitali Spotify. Hawnhekk wieħed jista’ liberalment jisma’ dawn il-marċi u jġib memorji sbieħ tal-festa ad Unur il-Madonna tal-Ġilju.

Minkejja li t-triq ‘il quddiem hija waħda li tirrikjedi ħafna mpenn, ħidma u kollaborazzjoni, l-għan tat-Team Media huwa li nkomplu nxerrdu l-istorja glorjuża tal-Ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija b’mod diġitali ma’ kull rokna tad-dinja.