Nhar il-Ħamis 8 ta’ Dicembru 2022, ser tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Parroċċa tal-Imqabba. Il-Festi speċjali ta’ din is-sena qegħdin ifakkru l-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-1772. Fl-4:00pm tibda’ Quddiesa Konċelebrata Solenni bis-sehem tal-orkestra u vuċijiet fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba mmexxija minn Monsinjur Carmelo Refalo, Arċipriet tax-Xagħra, Għawdex. Fil-5.30pm tibda’ ħierġa l-Purċissjoni Solenni bil-Vara Artistika u Devota tal-Madonna tal-Ġilju, mmexxijja mill-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, bis-sehem tal-Kleru, Devoti u poplu li matulha jingħad ir-Rużarju. Il-Purċissjoni ssegwi din ir-rotta: Pjazza tal-Knisja, Triq San Bażilju, Triq il-Karmnu, Triq Valletta, Triq il-Parroċċa u Pjazza tal-Knisja.
Ma’ tmiem dan il-Pellegrinaġġ Devozzjonali, titkanta l-Antifona “Madonna tal-Ġilju”, ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u tingħata l-Barka Sagramentali u jsir il-kant tat-Te Deum bħala ringrazzjament lil Alla ta’ dawn il-Festi speċjali. Il-Festi Esterni jkomplu fis-7.00pm bi programm mużikali mill-Banda Madonna tal-Ġilju quddiem is-sede tas-Socjeta’ fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Andrew Calleja.
Wara jsegwi logħob tan-nar maħdum mill-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju.
It-Tlieta 29 ta’ Novembru 2022 – L-ewwel jum tan-Novena
5:30pm: Jingħad ir-Rużarju u l-Kurunella u tingħata l-Barka Sagramentali. Ssegwi Quddiesa Kantata fil-Knisja Parrokjali. (L-istess programm isegwi tul il-ġranet kollha tan-Novena).
Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2022 – Ħruġ min-niċċa tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju
7:00pm: Isir il-ħruġ min-niċċa tal-Vara Artistika u Devota tal-Madonna tal-Ġilju u l-espożizzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-Knisja Parrokjali tal-Imqabba għall-qima tad-devoti.
L-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2022 – Lejlet il-Festa
6:30pm: Quddiesa Kantata fil-Knisja Parrokjali.
8:00pm: Ikla Tradizzjonali tal-Festa f’atmosfera brijuża fil-Każin. Bookings fuq 79853044.
Il-Ħamis 8 ta’ Diċembru 2022 – Solennita’ tal-Immakulata Kunċizzjoni
8:00am: Ħruq ta’ murtali u murtaletti.
8:30am: Quddiesa Kantata.
12:00pm: Ħruq ta’ murtali u murtaletti.
4:00pm: Quddiesa Kantata u Konċelebrata Solenni tal-Festa bis-sehem tal-orkestra u vuċijiet li ser tkun immexxija minn Monsinjur Carmelo Refalo, Arċipriet tax-Xagħra, Għawdex. Wara t-tqarbin jitkana t-Te Deum bħala ringrazzjament lil Alla ta’ dawn il-festi speċjali. Il-Quddiesa ser tkun bis-sehem tad-diversi Kumitati u Kummissjonijiet fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju.
5:30pm: Ħruġ tal-Purċissjoni Solenni bil-Vara Artistika u Devota tal-Madonna tal-Ġilju mat-toroq tal-Imqabba li matulha jingħad ir-Rużarju.
6:15pm: Dħul tal-Purċissjoni, Antifona, Ċelebrazzjoni Ewkaristika u Barka Sagramentali.
7:00pm: Programm mużikali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin.
8:00pm: Ħruq ta’ diversi murtali tal-beraq u tal-kulur mill-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru 2022
Konklużjoni tal-Festi speċjali marbuta mal-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba.
7:00pm: Akkademja Mużiko-Letterarja fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba bis-sehem tal-Banda Madonna tal-Ġilju taħt id-direzzjoni ta’ Mro Andrew Calleja bis-sehem tal-kor “Lilium Candidum”, taħt il-Patroċinju tal-Wisq Reverendu Monsinjur (Onor.) Joseph Bartolo, Kappillan Emeritus tal-Imqabba.