Fil-31 ta’ Awwissu 2023, MaltaPost se tniedi s-seba’ serje ta’ bolol li juru statwi reliġjużi li jinsabu f’diversi knejjes madwar Malta u Għawdex.

Din il-ħarġa filatelika tinkludi dawn l-istatwi proċessjonali ta’

  • San Martin ta’ Tours (Franza) – Il-Baħrija;
  • Sant’Elena – Birkirkara;
  • Il-Madonna Tal-Ġilju – L-Imqabba;
  • San Pawl Nawfragu – Il-Munxar;
  • Il-Madonna ta’ Fatima – Tal-Pietà;
  • Il-Madonna ta’ Lourdes – Il-Qrendi;
  • Santa Luċija – Santa Luċija, Għawdex;
  • Is-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu (Sacro Cuor) – Tas-Sliema;
  • Santu Wistin – Il-Belt, Valletta; u
  • Marija Bambina – Ix-Xagħra, Għawdex.

Fi stqarrija l-MaltaPost qalet kif il-bolli l-ġodda se jinħarġu f’folji ta’għaxra, b’kull bolla tkun ta’ daqs 31mm x 44mm, b’perforazzjoni ta’ 13.0 x 14.0 u għandha “watermark” bis-salib ta’ Malta.

Il-ħarġa tikkonsisti f’600,000 bolla u kull waħda għandha denominazzjoni ta’ €0.38. Il-fotografija ttieħdet minn Mark Micallef Perconte.

Din il-ħarġa filatelika se tkun għal bejgħ mill-Fergħat Postali f’ Malta u Għawdex mill-Ħamis 31 ta’ Awwissu 2023.

Ordnijiet jistgħu jsiru onlajn fuq www.maltaphilately.com jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c. 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001 – telefon 2596 1740 – email [email protected]