Is-sena 1995 kienet sena ta’ mportanza straordinarja għas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba għaliex kien jaħbat il-Ġublew tad-Deheb mit-twaqqif tal-Banda Madonna tal-Ġilju bħala l-ewwel Banda Mqabbija. Kien tassew bix-xieraq li dan l-avveniment jiġi kkommemorat il-għaliex propju bit-twaqqif ta’ din il-Banda, l-arti mużikali ġiet introdotta għall-ewwel darba fir-raħal tal-Imqabba.

L-attivisti tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju riedu li dan l-avveniment jibqa’ mfakkar għal dejjem, u għalhekk ħasbu biex lill-Banda jtuha rigal li jiġbed lejh l-ammirazzjoni ta’ kulħadd. Hawnhekk, qiegħed nirreferi għall-Planċier tal-Banda li ġie nawgurat propju nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 1995, quddiem udjenza ta’ ‘l fuq minn 800 ruħ.

Fuq disinn tal-mibki Salvu Bugeja, din l-opra ġiet minquxa minn injam ta’ valur bħal ngħidu aħna ġewż u kewba, u għalhekk nistgħu ngħidu li b’dan il-Planċier naraw bidu ta’ rivoluzzjoni ġdida fejn jidħol l-armar tal-Festa, fejn qabel konna mdorrijin naraw bċejjeċ irħamati, il-Planċier tal-Imqabba issa huwa llustrat b’dehra rikka li tixbah ferm lil dik tal-bradelli li naraw armati taħt xi vara fil-Knejjes tagħna.

Id-dawra tal-Planċier hija mżejjna b’gallerija tal-bronż, u 12-il niċċa b’bustijiet tal-aktar kompożituri magħrufa fil-qasam tal-mużika klassika. Dettalli tal-iskultura fina, maħduma bl-idejn mill-Imqabbin, ġiet indurat b’folji tad-deheb 18-il karat li kompla jżid mal-prestiġju ta’ dan il-monument li jista’ jiġi ammirat ta’ kull sena fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba tul il-ġimgħa tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju.

Dik l-istess lejla, flimkien ma’ dan il-Planċier, iżżanznet opra oħra ta’ klassi:- Il-Bandalora tal-Banda li ġiet irregalata mill-Familja Baldacchino, benefatturi ewlenin tas-Soċjeta’. Disinn tal-istess Salvu Bugeja, din il-Bandalora ġiet irrakmata bi ħjut tad-deheb mill-artiġjana Mqabbija u Partitarja s-Sinjura Emmanuela Galea Mangion, filwaqt li l-pittura centrali li turi figura tal-Madonna tal-Ġilju saret mill-artist Għawdxi Pawlu Camilleri Cauchi.

Matul dan iż-żmien, dan il-Planċier laqgħa fuqu uħud mill-aqwa talent lokali u ospita kunċerti bandistiċi tal-għola livell. Daqqew fuqu wkoll diversi formazzjonijiet mużikali barranin, b’mod partikolar mill-art tal-mużika, l-Awstrija li regolarment jagħtu s-sehem tagħhom waqt il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju.

Illum li ghaddew 25 sena mill-inawgurazzjoni ta’ dawn l-opri, xorta waħda ma jonqsux li jsaħħru lil dawk kollha li jaqbżu qabża sal-Imqabba tul it-tieni ġimgha ta’ Ġunju. Opri li jkomplu jagħmlu ġieh lir-raħal tal-Imqabba, raħal zghir iżda mogħni b’talenti li jagħmlu minnu mekka artistika, xhieda tal-volonta’ mħaddna mis-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju, li matul din is-sena qegħda tfakkar ukoll il-75 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda.



1995 Opening of the 'Plancier Meravilja'