Membri Onorarji
CHARLES AZZOPARDI
Is-Sur Charles Azzopardi ilu jinvolvi ruħu fi ħdan is-Soċjetà minn tfulitu u bejn is-snin sebgħin u tmenin serva ukoll fil-kumitat amministrattiv. Charles nistgħu ngħidu li ta ħajtu għas-Soċjetà fejn l-aktar li nvolva ruħu kien fil-qasam tan-nar tal-art, fil-qasam tal-armar u fl-ikliet.
Mingħajr ebda dubju kien strumentali sabiex il-proġett tal-Planċier Meravilja kien twettaq b’suċċess kbir u llum parti mill-mertu nistgħu nagħtuh lis-Sur Azzopardi, fejn mill-bidu nett mexxa l-proġett flimkien ma’ sħabu b’għaqal kbir u b’sagrifiċċju u b’talent impekkabbli. Ma nistgħux ninsew li fin-nar tal-art kien wieħed minn dawk li żamm isem l-Għaqda tan-Nar mal-aqwa f’pajjiżna, speċjalment fis-snin disgħin u s-snin elfejn. Min jaf ukoll kemm-il ikla ħa ħsieb u għadu jieħu ħsieb u dan ifisser li s-Soċjetà gawdiet introjtu qawwi matul is-snin li fihom ilu nvolut. Charles Azzopardi għadu jagħti l-għajnuna tiegħu f’diversi oqsma u l-eperjenza u l-pariri tiegħu kienu u għadhom jitqiesu utilissimi sal-ġurnata tal-lum.
Il-Kumitat Amministrattiv b’mod unanimu qed jinnomina lis-Sur Azzopardi bħala Membru Onorarju fi ħdan is-Soċjetà, bħala rikonoxximent tal-involviment imprezzabbli tiegħu li żgur wassalna għal diversi suċċessi u sodisfazzjon. Grazzi Charles u Ad Multos Annos!
JULIA DEBONO
Julia Debono ta’ 79 sena ġejja minn familja bi tradizzjoni qawwija fil-Festa tal- Madonna tal-Ġilju. Fil-fatt hi tiġi oħt l-eks President tas-Soċjetà, is-Sur Teddy Farrugia. Minn eta’ żgħira hija kienet taħdem b’risq il-Festa. Fost ix-xogħol li kienet tagħmel Julia, wieħed isib il-ġbir tan-nies għall-Coffee Mornings, torganizza ġbir bieb bieb kull xahar u tbigħ il-biljetti għal xi lotterija. Għamlet żmien twil ukoll tinvolvi ruħha fiż-żamma tal-indafa tal-każin u għajnuna fil- knisja. Minkejja dan kollu Julia qatt ma kienet tifforma parti minn xi kumitat tas-Soċjetà iżda dejjem tat il-kontribut tagħha mill-qalb. Illum il-ġurnata, Julia m’għadhiex tinvolvi ruħha b’mod kostanti u n-nuqqas tagħha żgur li jinħass, speċjalment fil-ġbir tan-nies għal attivitajiet u l-ġbir bieb bieb.
Il-Kumitat Amministrattiv qed jinnomina b’mod unanimu lis-Sinjura Julia Debono bħala Membru Onorarju bħala rikonoxximent tas-snin twal ta’ ħidma bla waqfin li wettqet b’risq is-Soċjetà. Grazzi ta’ kollox Julia u Ad Multos Annos.
JOSEPH FARRUGIA
KARMENA MIFSUD
Is-Sinjorina Karmena Mifsud (Ta’ Golli) hija xebba pensjonanta li wettqet parti sew minn ħajjitha taħdem b’risq il-Festa tant għażiża tal-Madonna tal-Ġilju. Xogħolha kien jikkonsisti li flimkien ma’ membri oħra mill-Kumitat tan-Nisa jiġbru n-nies għall-attivitajiet. Kienet ukoll tgħin fit-tindif tal-Każin u kienet toħroġ tiġbor il-flus biex ikunu jistgħu jinxtraw il-fjuri biex bihom tiżżejjen il-Knisja fil-Festa. Għamlet perjodu taħdem il-liedna għat-toroq tar-raħal. Karmni ta’ Golli, kif inhi magħrufa, qattgħet numru ta’ snin fil-Kumitat tan-Nisa u dejjem rat kif għamlet biex toffri l-għajnuna tagħha.
Illum il-ġurnata Karmena m’għadhiex tinvolvi ruħha minħabba l-età iżda żgur li l-qalb u l-imħabba lejn il-Festa u l-Madonna tal-Ġilju għadha tbaqbaq f’qalbha. Żgur li n-nuqqas ta’ nies bħal Karmena illum il-ġurnata jinħass minħabba li ż-żminijiet inbidlu u ċerti mpennji u sagrifiċċji m’għadhomx possibbli.
Il-Kumitat Amministrattiv b’mod unanimu qed jinnomina lil Karmena Mifsud bħala Membru Onorarju, rikonoxximent żgħir ħdejn is-sagrifiċċji li għamlet Karmena b’imħabba kbira dejjem lejn Ommna Marija l-Madonna tal-Ġilju.
ANNUNZIATO MIFSUD
MARIA MUSCAT
Maria Muscat (Tas-Sur Ċikka) magħrufa bħala Mari’ ta’ Dun Ġużepp illum il- ġurnata tgħodd wieħed u disgħin sena. Mari’ minn dejjem kellha l-Festa tal- Madonna tal-Ġilju f’qalbha, u dan bir-raġun kollu għax minn ċkunitha kienet tieħu ħsieb lill-Prokuratur tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, Dun Ġużepp Xuereb, li huwa membru tal-familja tagħha. Il-ħidma tagħha kienet tikkonsisti b’mod speċjali fil-ġbir bieb bieb. Fis-snin 80 hija kienet ukoll inkarigata mill-ġbir tal-pavaljuni ta’ Triq Santa Katerina u lejn l-aħħar tas-snin disgħin u fis-snin elfejn, Mari’ baqgħet tagħti s-sehem tagħha billi kienet tifforma parti mill-Kumitat tan- Nisa. Għalkemm illum il-ġurnata m’għadhiex tinvolvi ruħha, żgur li l-ħsibijiet u l-pariri tagħha għadhom ħajjin f’qalbha kull ħin u kull mument.
Bħala rikonoxximent tal-involviment tagħha matul dawn is-snin kollha, il- Kumitat Amministrattiv qed jinnomina b’mod unanimu lis-Sinjura Mari’ Muscat bħala Membru Onorarju fi ħdan is-Soċjetà. Grazzi ta’ kollox Mari’ u Ad Multos Annos!
CHARLES U ĠILJU SACCO
Is-Sinjuri Charles u Ġilju Sacco huma żewġ pilastri oħra li s-Soċjetà gawdiet ferm mill-esperjenza, perfezzjoni u l-qlubija tagħhom. Il-planċier meravilja huwa xhieda tat-talent Imqabbi u għandna nkunu kburin li nippossjedu opri bħal dawn, li għalkemm għaddew ‘il fuq minn ħamsa u għoxrin sena minn fuqu, għadu wieħed mill-aqwa planċiera li qatt sar f’pajjiżna.
Minbarra x-xogħol tal-planċier u xogħol tal-injam ieħor li wettqu, l-aħwa Sacco matul is-snin kienu jiffurmaw parti mill-kumitat ammistrattiv ukoll. Charles Sacco serva lejn il-bidu tas-snin tmenin
filwaqt li Ġilju Sacco lejn is-snin elfejn. L-esperjenza tagħhom kienet ukoll parti minn suċċessi li kisbet is-Soċjetà fejn l-ewwel u qabel kollox dejjem poġġew il-ġid tas-Soċjetà.
L-aħwa Sacco għadhom sal-ġurnata tal-lum lesti li joffru l-għajnuna tagħhom fi ħdan is-Soċjetà u minbarra l-planċier, il-każin qed igawdi minn xogħol tal-injam ieħor li twettaq b’reqqa kbira.
Għaldaqstant il-Kumitat Amministrattiv b’mod unanimu qed jinnomina lis-Sur Charles Sacco kif ukoll lis-Sur Ġilju Sacco bħala Membri Onorarji fi ħdan is-Soċjetà. Dan kollu bħala rikonoxximent tal-ħidma mill-qalb li taw u għadhom jagħtu lis-Soċjetà. Grazzi Charles u Ġilju u Ad Multos Annos!