Image not available

BENNY BALDACCHINO

BENNY BRIFFA

Benny Briffa mwieled l-Imqabba fid-29 ta’ Lulju 1952. Miżżewweġ lil Connie Briffa nee’ Abdilla u missier ta’ tliet ulied: Christopher, Gigliola, Rene u nannu ta’ erba’ neputijiet.

Lejn l-aħħar tas-snin sebgħin daħal għall-ewwel darba fil-kumitat amministrattiv u ftit snin wara ġie maħtur bħala Kaxxier. Dan kien il-bidu ta’ vjaġġ twil bħala uffiċċjal tal-kumitat amministrattiv fejn wara ftit snin ingħata l-kariga mportanti ta’ Segretarju, fejn dam iservi għal madwar ħmistax -il sena sħaħ. Fl-2002 saret bidla oħra u s-Sur Briffa reġa’ ġie maħtur Kaxxier għal tmien snin oħra. Wara ċirkostanzi li ltaqa’ magħhom il-kumitat, Benny reġa’ bidel il- kariga tiegħu għal darb’oħra minn Kaxxier għal Segretarju sas-sena 2012. Wara serva sentejn oħra bħala kaxxier u wara waqfa ta’ sentejn, li kienu l-uniċi mumenti mingħajr kariga uffiċċjali, is-Sur Briffa ingħata mill-ġdid il-kariga ta’ Kaxxier sas-sena 2017. Wara dan iż-żmien kollu kompla jifforma parti mill-kumitat sas-sena 2019. Dan kollu jfisser li Benny Briffa qatta’ 35 sena bħala uffiċċjal fi ħdan il-kumitat amministrattiv.

Apparti l-kariga u l-piż li ġġorr magħha, matul is-snin is-Sur Briffa kien involut b’mod attiv ferm f ’diversi oqsma fi ħdan is-Soċjetà. Nistgħu inqisu lil Benny bħala pilastru ewlieni li frott il-ħidma tiegħu, is-Soċjetà gawdiet minn suċċess wara ieħor li ksibna mal-milja taż-żmien.

Għalkemm illum il-ġurnata s-Sur Briffa m’għadux jifforma parti mill-kumitat amministrattiv, m’hemmx dubju li dejjem insibuh biex joffri l-għajnuna tiegħu għal dak kollu li jkun hemm bżonn.

Il-Kumitat Amministrattiv qiegħed b’mod unanimu jinnomina lis-Sur Benny Briffa bħala President Onorarju, bħala rikonoxximent tal-istorja ta’ suċċess u sagrifiċċju personali mingħajr preċedent li offra lis-Soċjetà. Grazzi Benny . . . Ad Multos Annos!

Image not available

CHARLES FARRUGIA

Image not available

CHARLES POLIDANO

JOSEPH ZAMMIT

Joseph Zammit imwieled l-Imqabba, fil-15 ta’ Frar 1946. Iben Alfred u M’Grazia mwielda Bilocca. Miżżewweġ lil Maria nee’ Farrugia. Missier ta’ tliet ulied: Anita, Freda, u Sharon. Is-Sur Zammit kien midħla tal-każin minn tfulitu u dejjem offra li jgħin fejn kien ikun hemm il-ħtieġa. Fis-sittinijiet kien involut fit-tmexxija tal-kumpanija teatrali “Golden Lilies”, li l-attivitajiet tagħha kienu joffru gost teatrali u ntrojtu ta’ fondi b’risq is-Soċjetà. Attività oħra li kienet ferm għal qalbu fis-sebgħinijiet kienet il-produzzjoni ta’ biċċiet tan-nar tal-art. Fis- sena 1979 Joseph ġie maħtur president tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju. Hu kien president meta ttieħdet id-deċiżjoni diffiċli li l-festa tiġi trasferita għal Ġunju minflok f’Mejju minħabba l-maltemp li għal ħafna snin ħarbat il-festa. Fis-sena 1984 kellu jħalli l-kariga ta’ president minħabba li mar jaħdem il-Libja.

Wara li ġie lura Malta, is-Sur Zammit dejjem baqa’ jinteressa ruħu fil-każin u l-kumitat dejjem sabu ta’ spalla fejn kien ikun hemm bżonn l-għajnuna tiegħu.

B’mod unanimu l-Kumitat Amministrattiv qiegħed jinnomina lis-Sur Joseph Zammit bħala President Onorarju tas-Soċjetà bħala rikonoxximent tar-responsabbiltà li refa’ matul is-snin ta’ President. Grazzi Joseph u Ad Multos Annos!