2008 – Rebbieħa tat-tieni Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art

Lily Fireworks ħarġet bħala r-rebbieħa tat-tieni Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanika fil-Frenaries nhar is-Sibt 5 ta’ April 2008. Il-festival kien organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana u ra l-parteċipazzjoni ta’ 16-il kumpless u grupp tan-nar. Barra mir-rebħ tal-premju ġenerali, Lily Fireworks tpoġġiet l-ewwel f’żewġ kategoriji oħra – l-oriġinalità, u l-kategorija għall-inqas gerijiet possibbli fis-sistema mekkanika. Il-premju għall-aqwa piroteknika skont l-opinjoni pubblika intrebaħ ukoll mill-Lily Fireworks, li ġab 875 vot. Il-ġurija kienet tikkonsisti minn żewġ pirotekniċi mir-Renju Unit u l-Ġermanja, kif ukoll minn inġinier mekkaniku Brittaniku. Il-ġurija kienet ippreseduta minn Joe Theuma, segretarju tal-Grupp Pirotekniku Malti. Il-ġurija evalwat il-piroteknika waqt it-twaqqif tas-sistemi mekkaniċi u waqt il-wirja stess. Intużaw ukoll filmati. Ir-riżultati tal-festival tħabbru waqt ċerimonja li saret fil-Kunsill Lokali tal-Furjana, li matulha l-Viċi Sindku Franco Davies ippreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa.

Fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba faqqgħu ċelebrazzjonijiet kbar kmieni waranofsinhar il-Ħadd, emedjatament wara li kien magħruf ir-riżultat. Carcade akkumpanjat it-trofej fi triqithom lejn il-Każin, fejn saret festa ta’ ċelebrazzjoni, li damet sal-lejl.

L-Għaqda Mużikali Madonna tal-Ġilju tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu bis-sħiħ sabiex dan is-suċċess ikun possibbli. Grazzi kbira tmur ukoll għall-pubbliku ġenerali li għal darb’oħra ta rebħa kbira lil Lily Fireworks permezz tal-vot tagħha għat-tieni sena konsekuttiva.


Ritratti Relatati